L-Oppożizzjoni Nazzjonalista ppreżentat l-20 Private Members Bill, li din id-darba jiffoka fuq is-settur tal-persuni b’diżabbiltà. L-iskop wara l-Private Members Bill hu biex il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabbiltà (KNPD) taġixxi bħala Ufficcju Parlamentari indipendenti mill-Gvern.
Il-Private Members Bill tressaq mid-Deputat Nazzjonalista u Kelliem tal-Oppożizzjoni Stephen Spiteri. Hu spjega li permezz ta’ dan l-att, il-KNPD se tkun aktar indipendenti u awtonoma.
Min-naħa tiegħu, waqt il-preżentazzjoni tal-Mozzjoni, l-Ispeaker Anġlu Farrugia faħħar il-mod li bih qed taħdem l-Oppożizzjoni, filwaqt li qal li din il-leġislatura hi waħda li fiha l-Oppożizzjoni ressqet rekord ta’ Private Members Bills. Anġlu Farrugia sostna li dan hu aspett pożittiv, li juri l-ħidma li qed twettaq l-Oppożizzjoni tul din il-leġislatura.
Anġlu Farrugia tkellem ukoll dwar l-importanza ta’ inizjattivi pożittivi fis-settur tal-persuni b’diżabbiltà, li jinkludi fih bejn 30,000 u 40,000 persuna.
//= $special ?>