L-aħbar svelata lbieraħ minn MaltaRightNow.com dwar il-lista twila ta’ transfers vendikattivi fl-Armata, kif ukoll il-ħatriet u l-promozzjonijiet għal tal-qalba kienet segwita b’għadd ta’ telefonati minn membri fil-Forzi Armati u nies qrib tagħhom, li wrew id-diżappunt, ir-rabja u l-istmerrija għal dawn it-transfers u l-promozzjonijiet jew ħatriet għal dawk deskritti bħala “tal-qalba” u li l-kredenzjali tagħhom biex jimxu ‘l quddiem illum hi l-kulur politiku aħmar tagħhom.
Dawk li tkellmu magħna stqarrew li ma jistgħux jifhmu kif il-Kabinett tal-Gvern, inkluż il-Prim Ministru Joseph Muscat, jippermettu dawn il-ħniżrijiet kollha mwettqa mill-Ministru Manwel Mallia, li diġà għandu lenti ffukata fuq dak li qed jagħmel. Il-lista twila ta’ transfers vendikattivi flimkien ma’ promozzjonijiet għal tal-qalba fl-Armata nħarġet uffiċjalment it-Tnejn li għadda biex dawn it-tibdiliet jidħlu fis-seħħ mit-Tlieta li ġej.
Il-messaġġ ċar li joħroġ mit-transfers vendikattivi u promozzjonijiet għal tal-qalba hu li l-Armata sejra mill-ħażin għall-agħar u li llum m’hemmx limitu għal kif l-oxxenitajiet jistgħu jkomplu jitwettqu fl-Armata.
F’kumment lil MaltaRightNow.com, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Jason Azzopardi qal li wħud mit-transfers li saru huma evidentement intenzjonati biex jaqtgħu qalb il-Fizzjali kkonċernati ħalli dawn jirriżenjaw mill-Armata. Hi evidenti l-politika ta’ “tindif politiku”, għalkemm b’sens pervers, li qed jagħmel il-Ministru Manwel Mallia biex jaqdi biss lil min hu “lagħqi” tiegħu akkost li jkompli jżid il-firda li qed joħloq bid-deċiżjonijiet partiġġjani tiegħu.
Jason Azzopardi temm jgħid li wieħed ma jridx jinsa li dan hu l-istess Ministru li se jinżel fl-istorja għax, kif xtaq hu, għadu sal-lum iċaħħad lill-Ombudsman milli jagħmel skrutinju tal-promozzjonijiet li Mallia ta fix-xhur li għaddew.
//= $special ?>