Lokali Saħħa

RITRATT: “Kollox fl-2016, anke l-appuntamenti tal-Isptar!”

Taħt il-Ministru Konrad Mizzi, kollox fl-2016 – kemm l-enerġija u anke s-saħħa.

Pazjenti li lbieraħ għamlu kuntatt ma’ dan is-sit spjegawlna li jinsabu rrabjati minħabba appuntamenti li ingħataw fl-Isptar Mater Dei, mhux għas-sena d-dieħla imma għas-sena ta’ wara.

Dan l-appuntament partikolari li qed nagħmlu referenza għalih (ritratt) huwa appuntament ta’ pazjent fl-Outpatients għand il-Klinika li tieħu ħsieb id-dieti.

Din l-ittra waslet bil-posta fl-20 ta’ Novembru li għadda. Il-pazjent ġie infurmat li l-appuntament għall-Outpatients ingħatalu għal Jannar 2016!

“Ċempilt lill-customer care ta’ Chris Fearne u ma kellmunix, ċempilt il-Ministeru ta’ Konrad Mizzi u ma ċemplulix lura lanqas. Dan hu Gvern li jisma’?”, qalilna pazjent partikolari li tkellem ma’ MaltaRightNow.com. L-istess persuna qalilna li lmenta anke ma’ Katilja u maċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, iżda ħadd ma tah widen.