Edukazzjoni Lokali Parlament

Taħriġ u edukazzjoni mhux b’impożizzjoni iżda bil-persważjoni

Baġit nieqes mill-viżjoni li joħloq xogħol ġdid u impjiegi differenti

L-Oppożizzjoni esprimiet tħassib fuq il-miżura tal-Gvern li t-taħriġ fil-proġett għal-garanzija taż-żgħażagħ, se jkun impost fuq iż-żgħażagħ u li jekk ma jidħlux fil-programm se jkunu penalizzati.

Id-Deputat Nazzjonalista Clyde Puli qal fil-Parlament fid-diskussjoni dwar il-baġit għall-edukazzjoni u t-taħriġ, li filwaqt li jemmen li t-taħriġ hu ta’ importanza kbira, appella li l-istrateġija għall-qasam importanti tal-edukazzjoni u t-taħriġ trid tinbena fuq il-kultura tal-persważjoni milli dik ta’ impożizzjoni.

Fisser li l-metitoloġija tal-impożizzjoni mhux dejjem taħdem u f’ħafna okkażjonijiet ikollha reazzjoni negattiva bħalma fil-passat kien fil-każ tal-impożizzjoni tal-lingwa Għarbija fis-sistema edukattiva li għaliha kien hemm reazzjoni negattiva.

Dwar il-garanzija taż-żgħażagħ, Clyde Puli qal li dan hu proġett li se jkompli jipprovdi t-taħriġ liż-żgħażagħ u li hu tajjeb li jintużaw ukoll inizjattivi Ewropej. Iżda rrimarka li din il-garanzija se tintuża aktar biex taqta’ persuni mir-reġistru tax-xogħol milli toffri taħriġ lil dawn iż-żgħażagħ biex isibu impjieg. Dan meta l-Partit Laburista wiegħed garanzija li kull żagħżugħ ikun fl-edukazzjoni, fit-taħrig jew f’impjieg u staqsa meta se tintlaħaq din l-istrateġija.

Staqsa kemm se jinqatgħu żgħażagħ mir-reġistru tax-xogħol, u jsibu impjieg. X’taħriġ differenti se jingħata u kif se jkompli jiġi żviluppat il-qasam tat-taħriġ għal min isib diffikultà biex isib impjieg.

Clyde Puli tkellem ukoll dwar il-ġlieda tal-Gvern kontra l-abbuż u l-frodi fuq il-benefiċċji soċjali, u filwaqt li qal li dan hu pożittiv, it-ton tal-Gvern ma jagħmilx ġid għall-kawża ta’ din il-ġlieda. Fakkar li d-dipartiment li waqqaf Gvern Nazzjonalista għal dan l-iskop m’għandux fil-baġit żieda allokata għalih.

Fisser li politika ta’ Gvern li jinċentiva persuna li taħdem, hu neċessarju, iżda osserva li l-Baġit hu nieqes mill-viżjoni li joħloq xogħol ġdid u impjiegi differenti. Fisser li hemm setturi u niċeċ ġodda li l-Gvern mhux qed jagħti inċentivi biżżejjed biex jiżdied ix-xogħol u jitnaqqsu dawk li qed ifittxu x-xogħol.

Dwar l-impjiegi ġodda mal-Gvern, Clyde Puli qal li dawn huma f’numru kbir wisq.

Dwar l-inward benefit, id-Deputat Nazzjonalista qal li din hi inizjattiva tajba li tingħata, iżda staqsa jekk il-Gvern hux jassigura li dan jelimina l-abbuż u mhux jiżdied l-abbuż.