Lokali

Uffiċjali tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma mal-Ministru Konrad Mizzi waqt iż-żjara fiċ-Ċina

Il-ġimgħa li għaddiet delegazzjoni tal-Gvern żaret iċ-Ċina bit-tama li tiffinalizza l-kuntratt u l-ftehim mal-Gvern Ċiniż, li d-diskussjonijiet dwaru ilhom għaddejjin mill-anqas 15-il xahar. Il-Ministru Konrad Mizzi, ilbieraħ fil-Parlament, kellu jagħti d-dettalji dwar il-bidla fil-Pjan tal-Enerġija, filwaqt li ta x’jifhem li kien se jippubblika l-kuntratt iffirmat mal-Gvern Ċiniż. Madankollu, kulma qal kien li d-dettalji se jingħataw fil-jiem li ġejjin.

Għaldaqstant, jibqa’ mhux magħruf x’ġie ffinalizzat f’din iż-żjara tad-delegazzjoni tal-Gvern fiċ-Ċina. Mhux magħruf lanqas għaliex fiċ-Ċina kien hemm ukoll iċ-Chairman u Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma William Wait, kif ukoll l-Avukat tal-Korporazzjoni Neville Young. MaltaRightNow.com jista’ jiżvela l-preżenza tal-Uffiċjali mill-Korporazzjoni tal-Ilma fiċ-Ċina wara li sorsi fil-Ministeru mmexxi minn Konrad Mizzi għamlu kuntatt magħna.