Ekonomija Lokali

Żieda fil-bejgħ mill-ħwienet fl-UE, tnaqqis f’Malta

Il-bejgħ mill-ħwienet fl-Unjoni Ewropea u ż-Żona Ewro f’Ottubru żdied meta mqabbel max-xahar li għadda u mas-sena li għaddiet. Madankollu, il-bejgħ f’Malta naqas meta mqabbel ma’ sena ilu, b’pajjiżna u pajjiż ieħor biss ikollhom tnaqqis. Fil-każ ta’ Malta kien hemm l-akbar tnaqqis, jiġifieri 3.7%.

Dan joħroġ minn statistika tal-Uffiċċju Ewropew tal-Istatistika (Eurostat), li qabblet il-bejgħ mill-ħwienet f’Ottubru 2014 mal-bejgħ f’Settembru 2014 u anke ma’ Ottubru 2013. L-istatistika turi li bejn Settembru 2014 u Ottubru 2014, il-bejgh mill-ħwienet fl-Ewropa żdied b’0.4% fiż-Żona Ewro u b’0.7% fl-Unjoni Ewropea. L-istatistika tal-Eurostat tispjega li ż-żieda ta’ 0.4% fiż-Żona Ewro ġiet minn żidiet f’setturi li mhumiex tal-ikel u anke minn bejgħ ta’ fuel għall-karozzi.

Min-naħa l-oħra, il-bejgħ ta’ ikel, xorb u sigaretti baqa’ stabbli.