Lokali

Aktar episodji ta’ gideb minn Manwel Mallia biex jipprova jaħrab mir-responsabbiltà politika

Ikomplu joħorġu aktar episodji ta’ gideb mill-Ministru Manwel Mallia biex jipprova jevita r-responsabbiltà politika tal-isparatura tad-19 ta’ Novembru li għadda. Wara li l-ġurnal In-Nazzjon kixef il-gidba ta’ Manwel Mallia, meta qal li ma kienx jaf lix-xufier Paul Sheehan, f’konferenza tal-aħbarijiet is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Chris Said qal li anke fuq din il-gidba biss hemm biżżejjed raġunijiet biex il-Prim Ministru Joseph Muscat ineħħi lil Manwel Mallia.

Chris Said kompla li aktar ma jgħaddu l-jiem, aktar qed iqumu mistoqsijiet dwar il-każ, b’Joseph Muscat ifarfar ir-responsabbiltà politika billi tefagħha fuq inkjesta u l-Oppożizzjoni tibqa’ tagħmel dmirha u tistaqsi biex toħroġ il-verità. Fost dawn, hemm fi xħin il-Ministru Mallia tkellem ma’ Sheehan wara l-inċident, xi struzzjonijiet tah u jistax ikun li Muscat qed jiddefendi lil Mallia għax l-Uffiċċju tal-Prim Ministru kien involut fil-cover-up.

Is-Segretarju Ġenerali tal-PN fakkar li għaddew ħamest ijiem minn meta l-gazzetta Il-Mument żvelat li kien il-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern Kurt Farrugia li kiteb l-istqarrija qarrieqa u ma kien hemm ebda ċaħda mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Staqsa kemm hu possibbli li Kurt Farrugia joħroġ stqarrija dwar inċident daqstant serju mingħajr ma jkun raha l-Prim Ministru.

Min-naħa tiegħu, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern Jason Azzopardi qal li sfortunatament dan kien biss l-aħħar wieħed minn sensiela ta’ episodji, li fihom il-Ministru Manwel Mallia għawweġ il-fatti. Fost oħrajn, hu semma’ d-Dikjarazzjoni tal-Assi, li fihom qal li kellu €500,000 fi flus kontanti għax kien biegħ propjetà meta ma kienx veru, tweġibiet għal Mistoqsijiet Parlamentari fejn qal li l-mijiet ta’ transfers fil-Korp tal-Pulizija kienu mitluba minnhom stess u meta qal li ma kellux bżonn rakkomandazzjonijiet mill-Brigadier tal-Forzi Armati biex jagħmel il-promozzjonijiet meta l-Liġi tal-Armata tirrikjedi speċifikament dan.

Jason Azzopardi semma’ wkoll kif għall-ewwel darba f’200 sena, il-Pulizija bdiet proċeduri legali kontra l-Gvern wara li minn wara dahar il-Korp iffirma dokument, li bih tneħħietilhom kull awtonomija.

Tkellmet ukoll il-kandidat ġdida Charlene Camilleri Zarb, li qalet li hu stramb kif il-Prim Ministru Joseph Muscat, li tant wiegħed tolleranza zero għall-imġieba ħażina, farfar ir-responsabbiltà tiegħu fuq inkjesta ta’ tliet eks Imħallfin.