Futbol Sport

Andre Schembri jirritorna ma’ Omonia Nicosia

Il-plejer internazzjonali Malti Andre Schembri ħabbar b’mod uffiċjali fuq il-profil tiegħu ta’ Facebook li se jerġa’ jingħaqad mal-klabb Ċiprijott Omonia Nicosia. It-Tnejn li għadda Schembri kien inħall mill-kuntratt li kellu mal-klabb tat-Tieni Diviżjoni tal-Bundesliga FSV Frankfurt.

Meta kienet ħarġet l-aħbar li Schembri kien telaq lil Frankfurt, għall-ewwel kien hemm spekulazzjonijiet li xi tim Malti tal-Premier jista’ joffrilu kuntratt. Madankollu, Schembri għażel li jibqa’ jilgħab barra minn Malta, ma’ tim u f’pajjiż li diġà jaf sew.

Fl-aħħar jiem kien hemm ukoll diversi klabbs Griegi interessati fi Schembri, għalkemm dan għażel li jerġa’ jmur jilgħab mal-klabb li miegħu kien jilgħab bejn l-2012 u l-2014, li miegħu kien stabilixxa ruħu bħala wieħed mill-aktar pedini importanti.