Familja b’karozza waħda li tikkonsma 15-il litru fil-ġimgħa, se tkun qed tonfoq kważi €200 aktar f’sena
Il-Baġit hu off track fil-miri għas-sena d-dieħla biċ-ċifra ta’ bejn €30 miljun u €40 miljun.
Id-Deputat Nazzjonalista Tonio Fenech, Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi, fil-Parlament ikkritka l-Baġit għall-2015 li fih numru konsiderevoli ta’ diskrepanzi. B’ħafna eżempji li ta, u b’ċifri li kkwota mill-estimi supplimentari tal-Baġit, elenka fid-dettal kif il-Gvern alloka anqas minn dak li nefaq din is-sena, u f’oqsma partikolari b’diversi miljuni anqas.
Tonio Fenech qal li dan se jwassal biex il-Gvern ikollu jirrevedi l-allokazzjonijiet finanzjarji li għamel, kif rajna wkoll din is-sena fejn f’diversi setturi tal-infiq tiegħu, il-Ministru tal-Finanzi alloka baġit li kellu jemenda u jżid l-allokazzjonijiet finanzjarji sal-aħħar tas-sena.
Semma li n-nefqa tal-Gvern għall-2014 kienet off-track b’€226 miljun, fosthom f’allokazzjonijiet għas-salarji, inkluż fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru fejn kellha tiżdied in-nefqa ta’ €2.3 miljun.
Hekk kif elenka lista twila ta’ allokazzjonijiet inkluż dawk għaċ-children allowances, għall-istipendji u għal ħlasijiet f’benefiċċji soċjali, il-Gvern għażel li filwaqt li jżid in-nefqiet meħtieġa u li ma kinux ippjanati tajjeb, żied biss b’nofs miljun ewro n-nefqa fuq il-kunsilli lokali.
Fost l-eżempji li semma kif is-sena d-dieħla l-Gvern se jkollu jżid ukoll in-nefqiet għaliex m’hemmx allokazzjonijiet biżżejjed meta pparagunat ma’ dak li nefaq il-Gvern din is-sena, Tonio Fenech qal li l-Gvern se jkollu jżid aktar minn €2 miljun f’salarji għall-Ministeru tat-Turiżmu.
Filwaqt li rrimarka li l-Gvern se jkollu jżid in-nefqa tiegħu bejn €30 miljun u €40 miljun, staqsa kif il-Gvern se jasal biex iżomm mal-wegħda li jnaqqas id-dejn.
B’reazzjoni għall-kritika li saret mill-Gvern dwar it-tmexxija tal-finanzi minn gvernijiet Nazzjonalisti, Tonio Fenech spjega li fis-snin li għalihom kien responsabbli mill-qasam tal-finanzi tal-pajjiż, il-medja tad-dejn kienet ta’ €14-il miljun fix-xahar. Meta mqabbla mar-riżultati miksuba mill-Ministru tal-Finanzi fis-sentejn ta’ dan il-Gvern, il-medja tad-dejn is-sena li għaddiet kienet ta’ €22 miljun fix-xahar, u din is-sena ta’ €39 miljun.
Semma wkoll li d-dejn din is-sena hu stmat li jkun fil-livell ta’ 73.2% tal-Prodott Gross Domestiku meta fl-2012 kien 71.3% tal-Prodott Gross Domestiku.
Id-Deputat Nazzjonalista kkritika wkoll lill-Ministru tal-Finanzi li naqas jispjega r-raġunijiet għall-opinjoni li tat il-Kummissjoni Ewropea għall-Baġit li ppreżenta l-Gvern, li fir-rapport tagħha esprimiet nuqqas ta’ fiduċja li l-Gvern se jilħaq il-miri stabbiliti fil-Baġit, li fissrithom bħala ottimisti wisq.
Ikkritika wkoll il-miżura li ħa l-Gvern meta introduċa t-tielet pilastru fir-riforma tal-pensjonijiet mingħajr ma implimenta t-tieni pilastru, u fisser li din mhix se tindirizza s-sitwazzjoni u l-isfidi fil-qasam tal-pensjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea tirrimarka wkoll li r-riforma mwettqa hi nieqsa milli tindirizza l-kwistjoni marbuta mas-sistema tal-pensjonijiet.
Dwar il-kwistjoni fl-Enemalta, Tonio Fenech qal li mill-estimi ppreżentati, il-Gvern qed iżid is-sussidji lill-Enemalta minn €14-il miljun għal €40 miljun, bil-Gvern jinħeba wara t-tibdil li qal li qed jagħmel fl-accountability tal-Enemalta.
Semma wkoll kif għar-roħs tal-kontijiet tad-dawl, il-poplu qed iħallas ħafna aktar kuljum fil-prezzijiet għolja ħafna taż-żejt li raħsu fis-suq internazzjonali meta din il-ġimgħa niżlu fl-anqas livelli għal ħafna snin, bil-poplu Malti baqa’ jħallas u jiġi ntaxxat bl-istess prezzijiet għoljin li dan il-Gvern żamm. Bil-prezz kif inhu fis-suq bħalissa, u bir-rati tal-kambju fil-preżent, il-prezz tal-petrol hu 28ċ ogħla u d-diesel b’27ċ ogħla kull litru.
Semma li familja li għandha karozza waħda u tikkonsma 15-il litru fil-ġimgħa, se tkun qed tonfoq kważi €200 aktar f’sena. Familja b’żewġ karozzi li tikkonsma b’25 litru l-ispiża titla’ għal €330 fis-sena fuq kull karozza. Dan meta paragunat li r-roħs mill-kontijiet għal persuna waħedha hu ta’ €45 fis-sena, familja bi tnejn €93, u bi tlieta €130 fis-sena.
Dawn huma kalkoli biss li ma jiħdux kont ukoll ta’ taxxi oħrajn li kull familja se tkun qed toħroġ ħafna aktar minn dak li raħħas il-gvern fil-baġit.
U dan f’kuntest ukoll ta’ kumpanija li waqqaf il-Gvern, li taħtha issa ġiet il-Petroleum Division, li qed tkun qed tagħmel profitti tajbin, iżda li qed iżżomm il-prezzijiet għoljin u tħallihom stabbli bil-għoli.
Dan paragunat mal-politika ta’ gvern Nazzjonalista – dik li l-prezz tal-fuel jiċċaqlaq skont il-prezzijiet internazzjonali.
Tkellem ukoll dwar l-evażjoni fiskali u fisser li fir-realtà, ftit qed naraw passi konkreti u b’sorpriża reġa’ daħħal l-obbligu lil min ma jaqlax €7,000 li issa jrid jirreġistra għall-VAT. Tonio Fenech saħaq li l-Gvern għandu jara lil min qed jabbuża u jaqla’ aktar minn €7,000 u jibqa’ jevadi t-taxxa, u mhux lil min ġenwinament jaqla’ ftit u issa se jkollu jirreġistrat għall-VAT.
Ikkritika li neħħa l-eko-kontribuzzjoni fuq it-tyres u daħħal is-sisa, bit-taxxa issa togħla minn €30 sa €100. Għolew ukoll taxxi oħra u ħlasijiet oħra.
Dwar ir-reviżjoni fit-taxxa fuq il-proprjetà, il-Gvern ma kkonsultax man-nutara, mal-accountants u professjonisti oħra fis-settur tal-proprjetà li l-aħħar parir li kienu jagħtuh hu li ma jneħħix l-għażla jekk jiġix intaxxat fuq il-qligħ jew bil-final witholding tax.
Id-Deputat Nazzjonalista saħaq li b’dak li ddeċieda l-Gvern, l-aktar li se jbatu huma dawk li ma jiddependux min-negozju tal-proprjetà u li jkollhom xi prorjetà xi jbiegħu, jew min ikun irid xi dħul mill-bejgħ ta’ xi proprjetà biex tgħin xi kumpanija tiġi aktar fuq saqajha. Se jmorru tajjeb il-kuntratturi li huma fis-settur tal-proprjetà li se jħallsu issa bi 8%. Tonio Fenech appella biex il-Gvern jisma’ u jirrevedi din il-miżura.
Semma wkoll l-atteġġjament tal-Ministru tal-Finanzi lejn l-Uffiċċju Nazzjonala tal-Istatistika u l-Eurostat, u qal li meta ma jaqbilx mal-istatistika, jittimbra l-istatistika bħala perversa u fażulla. Tonio Fenech qal li dan hu Gvern li jrid l-istatistika kif irid hu.
L-attakk tal-Gvern fuq l-istatistika, saħaq Tonio Fenech, hu eżempju ieħor kif dan il-Gvern tilef il-kredibbiltà, bħalma tilef diġà l-kredibbiltà fuq il-proġett tal-power station.
//= $special ?>