Internazzjonali

Ebda attakk ‘għalissa’ kontra l-ISIS fil-Libja

Il-Ġeneral tal-Armata Amerikana, David Rodriguez, ħabbar li l-Istati Uniti, għalissa, m’għandha l-ebda intenzjoni li twettaq attakki mill-ajru fuq it-terroristi tal-ISIS ‘li qed irabbu l-għeruq’ fl-artijiet tal-Libja lejn il-Lvant.

Mill-banda l-oħra, Rodriguez, li hu l-kap tal-militar Amerikan għar-reġjun Afrikan, qal li l-Istati Uniti qed tgħasses mill-qrib lil dawn il-militanti Iżlamiċi fil-Libja.

Il-Ġeneral kompla li l-ISIS kien qed jibni kampijiet ta’ taħriġ għall-ġellieda fil-Lvant tal-Libja, b’dawn il-kampijiet — li fihom madwar 200 ġellied — ‘jinsabu fi stadju bikri’.

Rodriguez tenna wkoll li filwaqt li l-attività tal-ISIS fil-Libja għadha qed tibda, il-grupp qed jagħmel sforzi kbar biex ipoġġi lin-nies tiegħu fiz-zoni li qed jikkontrolla.

Jidher, intant, li l-preżenza tal-ISIS fil-Libja ma tinvolvix voluntiera iżda Libjani li ddeċidew li jissieħbu mal-grupp. Dan meta l-parti kbira tal-militanti Iżlamiċi tal-ISIS fl-Iraq u fis-Sirja huma barranin.

IL-Ġeneral Rodriguez ħareġ b’dawn il-kummenti wara li l-Istati Uniti u diversi pajjiżi Ewropej esprimew tħassib dwar is-sitwazzjoni fil-Libja.