Il-maġġoranza tal-persuni li ngidmu u tilfu flushom wara li falliet il-kumpanija Fantasy tours se jkunu qed jingħaqdu flimkien u, rappreżentati mill-Għaqda tal-Konsumatur, ifittxu lill-istat Malti għall-kumpens.
Dan ħareġ waqt laqgħa li dawn il-konsumaturi kellhom ma’ din l-Għaqda. Fiha l-għaqda nfurmat lill-konsumaturi li l-l-Gvern Malti kiser id-dover tiegħu li jipproteġi lill-konsumaturi għaliex baqa’ ma mplimentax id-direttivi rispettivi li japplikaw f’każi simili.
L-Għaqda tal-Konsumatur ippreżentat ukoll numru ta’ każi preċedenti li juru kif l-istat ikkumpensa lill-konsumaturi f’każi simili u nsistiet li anke’ f’dan il-każ, il-Gvern għandu jerfa’ r-responsabbilta’.
Il-kwistjoni tal-Fantasy Tours affettwat mill-inqas 236 persuna li għadom sa llum jiġru wara l-awtoritajiet biex forsi jieħdu flusom lura.
Wara li ntlaħaq qbil li l-konsumaturi jitolbu l-flus lill-istat, l-Għaqda bagħtet ittra lill-Prim Ministru Joseph Muscat fejn fost l-oħrajn talbet biex bħal f’każi oħra, il-gvern għandu jaqbeż ukoll għall-konsumaturi tal-Fantasy Tour.
Jekk jgħaddi ż-żmien u l-gvern jibqa’ ma jweġibx, l-Għaqda qalet lill-konsumaturi li se tkun qed tipproċedi legalment; l-ewwel bi protest ġudizzjarju, wara b’każa legali u jekk xorta l-klijenti jibqgħu bla flus, il-każ jispiċċa saħansitra quddiem il-Qorti Ewropea.
//= $special ?>