Il-Kumitat tas-Soċjetà Ċivili fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) għadu bla tweġiba għal ittra li bagħat ġimgħatejn ilu lill-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna. Qal dan il-President tal-Kumitat Ben Rizzo waqt laqgha li l-Kumitat kellu mal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil.
Fl-ittra, il-Kumitat qed jitlob lill-Gvern biex iwessa’ l-inizjattiva li jekk wieħed jagħti donazzjoni lill-Malta Community Chest Fund din tinqata’ mit-taxxa. Il-Kumitat qed jitlob li din il-konċessjoni tinfirex u tapplika għal kull għaqda karitattiva.
Min-naħa tiegħu, Simon Busuttil fisser bħala pass pożittiv li l-għaqdiet tas-soċjetà ċivili qed jiffurmaw parti mill-MCESD, iżda kompla li wasal iż-żmien li wieħed jara kif se tissaħħaħ il-ħidma ta’ dan il-Kumitat. Semma’ li hemm bżonn titqajjem diskussjoni dwar jekk l-MCESD għandux ikun awtonomu mill-Gvern u b’baġit indipendenti.
Filwaqt li ħabbar li fil-ġimgħat li ġejjin l-Oppożizzjoni se tkun qed tressaq il-proposti tagħha dwar dan, anke l-Kap tal-Oppożizzjoni qabel li t-tnaqqis mit-taxxa għal min jagħti xi donazzjoni għandha tapplika għal kull għaqda karitattiva.
//= $special ?>