Is-settur marittimu għandu jiżviluppa l-kunċett ta’ maritime cluster
L-Oppożizzjoni tirrikonoxxi s-suċċess li kompla fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena fiż-żieda ta’ liċenzji u ta’ kumpaniji reġistrati fis-settur tal-gaming, iżda tirrimarka li Malta ma taffordjax li tkompli tinjora t-tibdil u l-isfidi li għandha bħala ġurisdizzjoni tal-gaming, fejn ma’ kull ġurnata li tgħaddi s-saħħa tal-liċenzja Maltija qegħda tiddgħajjef.
Meta tkellmet fil-Parlament u ressqet l-analiżi tagħha fid-diskussjoni tal-Baġit dwar is-setturi tal-gaming, l-ICT u s-settur marittimu, Kristy Debono rrimarkat li ma tifhimx kif fil-baġit, is-settur tal-gaming li jikkontribwixxi mal-10% tal-Prodott Gross Domestiku u jħaddem 10,000 persuna u eluf oħra b’mod indirett, qiegħed jistrieħ fuq it-tibdil fl-isem tal-Awtorità minn LGA għal Malta Gaming Authority; fuq il-ħolqien ta’ Gaming Malta u t-twaqqif tal-Gaming Accademy.
Filwaqt li qalet li wasal iż-żmien għal rebranding intelliġenti u għall-kunċett ta’ Gaming Malta bil-għan li tippromwovi lil Malta bħala ġurisdizzjoni ewlenija fil-qasam tar-remote gaming, dan il-kunċett pożittiv jimmerita ferm aktar dettalji dwar l-operat tiegħu, dwar ir-rwol tal-Gvern u jekk ir-rwol eżistenti tal-Awtorità hux se jkun trasferit fi ħdan il-Gaming Malta.
Dwar it-tnedija tal-Gaming Acadamy, qalet li dan hu kunċett importanti li jħares ‘il quddiem u li jekk jitħaddem tajjeb jista’ jnaqqas il-problema ta’ impjegati mħarrġa fl-industrija. Semmiet li hemm diversi ħiliet tekniċi li żgur li m’aħniex inlaħħqu mad-domanda fl-industrija minħabba n-nuqqas ta’ taħriġ fis-settur u li din l-Akkademja tista’ tindirizza.
Ikkritikat li l-Gvern m’għandu l-ebda ċifri jew statistika fejn wieħed janalizza d-dipendenza fis-suq Ewropew, kif ukoll x’fatturi ninħtieġu sabiex il-Gvern ikun f’pożizzjoni li jfassal politika u strateġija li ssostni dan is-suq.
Ipproponiet lill-Gvern jikkunsidra li fl-Att tal-Lotteriji u Logħob isiru l-emendi neċessarji sabiex l-Awtorità jkollha aktar poter wiesa’ biex tiġbor informazzjoni fuq l-istat tal-industrija għall-formolazzjoni tal-politika tagħha.
Fil-kuntest tal-enormità ta’ dan is-settur, jekk l-operaturi jibda jinħonqilhom l-aċċess għal swieq akbar minn Malta, l-industrija mhux biss se jkollha l-isfida ta’ kompetittività, iżda agħar minn hekk ir-riskju tal-vijabbiltà tal-industrija.
Fissret li l-isfida l-kbira ta’ dan is-settur, hi l-fatt li swieq Ewropej qed jagħlqu l-bibien tagħhom għall-industrija Maltija. Aktar ma Stati Membri Ewropej jaddottaw it-terminu magħruf bħala l-point of consumption – fejn ikun hemm il-ħtieġa għal kull kumpanija li jkollha liċenzja nazzjonali u anke tħallas taxxa lil pajjiż fejn hi qed toffri s-servizz tagħha – il-liċenzja Maltija qed issir aktar dgħajfa, anqas attraenti u anqas relevanti.
Dan ifisser, spjegat id-Deputat Nazzjonalista, li minkejja n-numru ta’ liċenzji f’pajjiżna qiegħed jiżdied, il-validità tal-liċenzja Maltija biex taċċessa s-suq intern Ewropew qegħda tisparixxi u tkompli tiggrava.
Kristy Debono tkellmet ukoll dwar is-settur tal-ICT u rrimarkat li l-Baġit jonqos milli jirrifletti kemm il-Gvern tassew jifhem dan is-settur, fil-kuntest globali tal-bidla mgħaġla li qed issir fit-teknoloġija. Qiegħed jonqos ukoll milli jifhem il-potenzjal tal-ICT biex itejjeb il-kompetittività ta’ industriji eżistenti kif ukoll iż-żieda qawwija fl-importanza tal-ICT li qed isir f’industriji ġodda. Dan qiegħed jillimita l-opportunitajiet għal Malta biex tiffjorixxi bħala Ekonomija Diġitali.
Qalet ukoll li ma jawgurax tajjeb li l-Gvern mhux se jibda l-proċess tar-roll out tat-tablets qabel Ottubru tal-2016.
Irrimarkat ukoll li l-Gvern mhux jifhem il-potenzjal ta’ dan is-settur biex jixpruna lin-negozji u m’għandux miżuri speċifiċi biex ikabbru l-industrija lokali tal-ICT fost l-SMEs u n-negozji ġodda.
Irriferiet għad-diversi aġenziji msemmija fil-baġit, bħalma huma Projects Malta, Conventions Malta, Gaming Malta, Yachting Malta u anke ICT Malta,u qalet li ma nafu bl-ebda fondi allokati għalihom u r-rwol tagħhom. Issuġġeriet lill-Gvern biex il-ħatra tat-tmexxija ta’ dawn l-entitajiet issir taħt l-iskrutinju Parlamentari biex b’hekk il-proċess tal-lum jinżamm mill-gvernijiet futuri.
Dwar il-wegħda tal-gvern biex Malta ssir wi-fi state, Kristy Debono appellat lill-Gvern joħroġ mir-ritmu kajman li għaddej bih meta għamel biss 13-il wi-fi spot paragunati mal-176 li saru sal-2012.
Tkellmet ukoll dwar is-settur marittimu u għall-Hub Marittimu fis-sit tal-eks-shipbuilding. Appellat għal proċess trasparenti filwaqt li staqsiet fuq liema bażi qed jintuża s-sit preżenti, u kif qed jiġi allokat il-moll b’mod unilaterali u mingħajr sejħa pubblika.
Sostniet li l-kunċett ta’ hub Marittimu għandu jkun ferm aktar wiesgħa minn sempliċiment l-allokazzjoni ta’ sit importanti fil-Port il-Kbir lil xi operatur jew tnejn; u l-iżvilupp tas-settur marittimu għandu jkun ibbażat fuq it-taħriġ, fl-iskola nawtika, f’termini ta’ karrieri fis-settur marittimu, f’assistenza lill-operaturi ta’ shipyards u yacht-yards u aktar investment fir-riżors uman l-aktar mill-aspett regolatorju tas-settur marittimu ħieles mill-indħil politiku.
Filwaqt li kkritikat il-politika tal-Gvern li għadu ffukat fuq ir-reġistrazzjoni tal-vapuri, appellat lill-Gvern jiżviluppa l-kunċett ta’ maritime cluster biex ikollna one stop shop u nissaħħu f’oqsma oħra bħal ship finance office, ship management, ship operations u oħrajn, li joħolqu aktar impjiegi u aktar dħul għall-pajjiż.
Dwar is-settur tal-casinos, fissret li hi ħasra li dan is-settur kien politiċizzat b’indħil tal-Ministru li intervjena u waqqaf proċess ta’ evalwazzoni meta l-indikazzjonijiet kienu ċari li l-liċenzja mhux se jeħodha l-operatur li xtaq il-Gvern.
Fakkret lill-Gvern li l-industrija tal-casinos kompliet tikber f’dawn l-aħħar snin b’qafas regolatorju b’saħħtu u mhux permezz ta’ free for all approach.