Fis-sigħat li għaddew issoktaw il-laqgħat tal-Bord ta’ Inkjesta dwar l-isparatura mix-xufier tal-Ministru Manwel Mallia. Hu mifhum li fost dawk li ssejħu s’issa quddiem il-Bord kien hemm l-istess xufier Paul Sheehan, li fil-lejl tad-19 ta’ Novembru spara żewġ tiri ta’ arma tan-nar fid-direzzjoni ta’ karozza li ftit minuti qabel kienet laqtitlu l-karozza Ministerjali “GM14” li biha jisserva l-Ministru Manwel Mallia.
Hu mifhum ukoll li fost oħrajn issejħu jagħtu x-xhieda tagħhom l-Aġent Kummissarju tal-Pulizija Ray Zammit, iċ-Chief of Staff fil-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Silvio Scerri, il-PRO tal-Ministeru Ramona Attard u d-Direttur Maniġerjali tal-MaltaToday Saviour Balzan.
Il-Bord ta’ Inkjesta maħtur direttament mill-Prim Ministru qed jiltaqa’ f’Villa Bighi fil-Kalkara, fejn ix-xhieda kollha qed jagħmlu l-istqarrijiet tagħhom u jwieġbu wkoll il-mistoqsijiet tat-tlett eks Ġudikanti. Il-Bord ta’ Inkjesta hu ffurmat mill-Imħallfin Emeriti Alberto Magri, JD Camilleri u Philip Sciberras.
//= $special ?>