Is-Santa Sede bħalissa qed tkompli l-proċess li jikkonċerna l-irwol tal-Arċisqof il-ġdid ta’ Malta. Hija tat istruzzjonijiet ġodda lil Nunzju Appostoliku, biex jibda l-proċess ta’ konsultazzjoni fl-għażla ta’ suċċessur għal Arċisqof Pawlu Cremona.
Skond il-linji gwida tal-Liġi Kanonika, in-Nunzju Appostoliku bħalissa qed ifittex sensus fidei fidelium tal-poplu t’Alla: il-Lajċi, il-kleru u r-reliġjużi, dwar is-sitwazzjoni tal-Arċidjoċesi ta’ Malta. Hija talbithom biex jipproponu ismijiet bħala kandidati possibbli li għandhom jiġu kkunsidrati bħala l-Arċisqof li jmiss ta’ Malta.
Ladarba dan il-proċess ta’ konsultazzjoni jiġi konkluż, id-dokumentazzjoni neċessarja se tiġi mgħoddija lis-Santa Sede.
Huwa mistenni li n-nomina tal-Arċisqof il-ġdid se jitħabbru fix-xhur li ġejjin.
In-Nunzjatura Appostolika għal darb’oħra jistieden lill-poplu Malti biex ikompli jitlob għall-knisja f’dan il-mument li huwa tant importanti għall-ġejjieni tal-Arċidjoċesi ta’ Malta.