Qorti

L-erba’ Bormliżi mixlijin dwar il-ġlieda kbira barra l-Għassa tal-Pulizija

Wara li deher li kien ikkalma kollox in-nisa daħlu fix-xena u kollox eskala

Fil-11 ta’ Novembru meta seħħet ġlieda kbira barra l-Għassa tal-Pulizija ta’ Bormla f’xi ħin l-affarijiet deheru li kienu qegħdin jikkalmaw. Pero ftit wara kienu n-nisa familjari tagħhom li qajjmu geġwiġija fejn bdew jgħajjru lil xulxin. Minn hemm ‘l quddiem is-sitwazzjoni eskaltat u l-Pulizija bdiet tarresta n-nies.

Dan ħareġ fix-xhieda tal-Kuntistabbli Mario Mallia meta kompliet il-kumpilazzjoni tal- erba’ Bormliżi aħwa quddiem il-Maġistrat Anthony Vella. Charlston Cassar ta’ 22 sena u Redent Cassar ta’ 20 sena huma mixlijin bl-attentat ta’ qtil ta’ Stephen Brincat, u dan meta allegatament tawh daqqiet b’kanna tal-ħadid u lista tal-injam, fuq rasu, liema delitt ta’ qtil ma kienx eżegwit skont l-akkuża minħabba xi ħaġa inċidentali u indipendenti mill-volonta’ tagħhom.

Huma kienu mixlijin ukoll li kkaġunaw feriti gravi u ħsara fuq il-persuna ta’ Stephen Muscat u li kkaġunaw feriti gravi fuq il-persuna ta’ Omar Ellul u li kkaġunaw ħsara fil-ġisem tiegħu. Redent Cassar qed jiġi mixli wkoll li sar reċidiv b’sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati.

Flimkien magħhom Fredrick Dalli ta’ 32 sena u żagħażugħ ta’ 17-il sena residenti Ħal-Luqa huma qegħdin jiġu mixlijin li kisru l-paċi pubblika, nġurji u li dejjqu lin-nies. Dalli kien mixli wkoll li nofs siegħa qabel l-inċident xewwex in nstiga biex dan iseħħ. Dawn it-tnejn mhux bħat tnejn l-oħra kienu ħarġu bil-liberta’ proviżorja fuq pleġġ.
Sadanittant hekk kif intemmet il-kumpilazzjoni Charlston Cassar, li fuq għonqu kellu tatoo b’ittri kontra l-pulizija u hedded lill-Ispettur Josric Mifsud minħabba li t-tfajla tiegħu mistennija twelled il-Ġimgħa, 5 ta’ Diċembru u hu għadu miżmum taħt arrest preventiv. Huwa qal ukoll “jekk ma nkunx preżenti waqt li t-tfajla tiegħu qed twelled”….u waqaf hemm. Meta kien qed jiġi eskortat barra l-Ispettur Mifsud qal lil Charlston Cassar li din kienet problema tiegħu.

Barra mill-awla Charlston Cassar beda jitkellem ħażin u jgħid u li hu ma jibża’ minn ħadd. Meta kompla jixhed il-Kuntsitabbli Mallia qal li huwa raha lil Stephen Brincat b’rasu kollha demm fejn l-Għassa tal-Pulizija ta’ Bormla, iżda ma jafx kif seħħ dan l-inċident.

Aktar tard il-Qorti qalet li deherilha li f’dan l-istadju hemm biżżejjed provi biex l-erba’ Bormliżi jitpoġġew taħt att ta’ akkuża. Wara xehed Kuntistabbli Paul Debono li dak inhar kien xogħol l-Għassa tal-Pulizija Bormla fejn Stephen Brincat u ibnu marru jagħmlu rapport fl-Għassa tal-Pulizija li Stephen Brincat li kien qala’ xeba’. Qal li s-Surġent li kien l-Għassa kien qallu biex imur il-Poliklinika u wara kienu marru ħafna familjari fl-għassa tal-Pulizija.

Huwa qal li l-inkwiet kien inqala’ ħdejn l-għassa ta’ Bormla wara li għall-ħabta tas-siegħa ta’ wara nofs inhar Glen Brincat mar ma’ missieru jagħmel rapport li kien ġie aggredit minn Charleston Cassar u Redent Cassar. Qal li kien ra lil Stephen Brincat jagħti daqqa ta’ ponn fuq il-karozza ta’ Frederick Dalli u jistiednu joħroġ mill-karozza. Huwa tenna li aktar tard ra lil Stephen Brincat bid-demm ma’ wiċċu.

Is-Surġent Kevin Vella Gregory u l-Kuntistabbli Mario Farrugia, il-Kuntistabbli Saviour Zerafa, u John Paul Young kollha ikkoraboraw dawn il-fatti. Sadanittant kien hemm talba minn naħa tad-Difiża dwar il-liberta’ proviżorja tal-akkużati u li din id-deċiżjoni mistennija tingħata fis-sigħat li ġejjin mill-Qorti. Din it-talba sabet oppożizzjoni minn naħa tal-Prosekuzzjoni. Il-każ se jkompli fil-15 ta’ Jannar li ġej.

Fuq dan il-każ qed jiġi mixli ukoll Kenneth Brincat ta’ 44 sena mill-Isla, fejn ġie mixli li fil-ħin tal-inċident kellu fil-pusess tiegħu sikkina mingħajr liċenzja tal-Pulizija, u li kiser il-paċi pubblika b’għajjat u ġlied, kif ukoll għamel storbju li kien jikkonsisti f’dagħa u kliem faħxi. Dan il-każ iżda qed jinstema’ b’mod separat.