Dik li kellha tkun laqgħa pubblika ta’ konsultazzjoni, fejn kulħadd ikun jista’ jitkellem mal-membri tal-Kabinett, ilbieraħ filgħaxija nbidlet f’attività politika ta’ appoġġ orkestrata mill-Partit Laburista biex jingħata appoġġ lill-Ministru Manwel Mallia. Mad-dħul fit-tinda, li għat-tieni sena konsekuttiva l-Gvern Laburista tella’ fi Pjazza San Ġorġ fil-jiem wara l-Baġit, Manwel Mallia ntlaqa’ b’għajjat ta’ “Manwel Manwel” u ċapċip qawwi.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Mallia ħa b’idejn dawk preżenti qabel ma ħa postu biex iwieġeb għall-mistoqsijiet ta’ dawk preżenti. Daqslikieku ma kienx jaf b’dak li se jsib, mal-wasla qal li qed iħossu emozzjonat bil-merħba li ngħata. Jirriżulta li din il-pantomima politika kienet ilha tiġi ppjanata għal numru ta’ ħin, b’numru ta’ Uffiċjali minn Kumitati Lokali tal-Partit Laburista jċemplu lin-nies biex imorru Pjazza San Ġorġ. Saħansitra, uħud mill-Kumitat Laburisti organizzaw privates bl-Uffiċjali Laburisti jgħidu lill-partitarji Laburisti li b’hekk ma jkollhomx problema ta’ parkeġġ jew mixi żejjed sat-tinda.
Kif mistenni, Manwel Mallia ma għamel l-ebda referenza għall-każ li fih ix-xufier tiegħu spara fil-pubbliku u laqat vettura privata fil-Gżira. Dwar dan, Manwel Mallia għamel referenza biss billi sejjaħlu “ċertu inċident”. Wara li fil-jiem li għaddew il-Prim Ministru ddefenda lil Manwel Mallia, ilbieraħ dan irreċiproka billi sejjaħlu persuna dinamika li se tmexxi l-pajjiż ‘il quddiem. Hu ddikjara li jemmen li b’għemilu f’dawn is-sena w nofs għen ħafna lill-Partit Laburista.
Sadanittant, il-Ministru Mallia tkellem ukoll dwar il-bejgħ taċ-Ċittadinanza Maltija u Ewropea u tenna l-iskuża tal-Gvern li dan qed isir biex jiżdied it-talent. Hu temm l-indirizz tiegħu billi rringrazzja lill-istaff fil-Ministeru u d-Dipartimenti li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu. Madankollu, baqa’ ma għamel l-ebda referenza jekk xi ħadd mill-istaff tiegħu kienx wara l-istqarrija b’informazzjoni qarrieqa li ħarġet ftit tal-ħin wara l-isparatura mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Fl-attività politika taħt it-tinda ffinanzjata mill-fondi pubbliċi, spikkat il-preżenza ta’ Adrian Grech Cumbo, li hu persuna qrib ħafna ta’ Bin Han, li bħalissa għaddej proċeduri fil-Qorti b’rabta ma’ traffikar ta’ Asjatiċi lejn Malta u akkużat bi sfruttar ta’ Asjatiċi fil-post tax-xogħol. L-Asjatiċi, li fil-Qorti rriżulta li kien japplikalhom biex jiġu Malta Bin Han innifsu, kienu jitħallsu ftit ewro minkejja li kienu jitħaddmu għal 12-il siegħa kuljum mit-Tnejn sal-Ħadd fil-fabbrika Leisure Clothing.
(Filmat: timesofmalta.com)
//= $special ?>