Persuna li kien minn tal-ewwel biex jgħin lill-għajru u lill-batut. Hekk ġie deskritt l-eks President ta’ Malta Ċensu Tabone minn ibnu, Vincent Tabone, waqt serata li ttellgħet f’San Ġiljan b’kommemorazzjoni għal dan il-personaġġ, li ghalieh inkixef ukoll monument ta’ tifkira.
Il-monument li ġie varat jinsab biswit il-Knisja tal-Balluta; u ġie deċiż li jitpoġġa hemm minħabba r-rabtiet li Ċensu Tabone kellu ma’ dawn l-inħawi matul ħajjtu.
L-eks President twieled f’Għawdex fl-elf disa’ mija u tlettax u miet ftit jiem biss qabel ma’ għalaq disa u disgħin sena, fl-elfejn u tnax.
L-ewwel snin ta’ ħajjtu kienu kkaratterizzati minn servizz li kien jagħti fil-qasam tas-saħħa. Sal-lum jibqa’ msemmi bħala l-persuna li kien strumentali fil-qerda tal-marda tat-Trachoma – marda fl-għajnejn li ħakmet lill-Għawdex u pajjizi bħat-Tajwan, l-Indonesja u l-Iraq.
Il-karriera politika ta’ Ċensu Tabone bdiet fis-snin sittin, meta ġie elett fl-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista. Aktar tard serva bħala Segretarju Ġenerali u wara Vici-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Hu kien elett fil-Parlament għall-ewwel darba fl-elf disa mija sitta u sittin u dam b’kollox tlieta u għoxrin sena jservi fil-Parlament.
Jibqa’ mfakkar fost l-oħrajn għall-mozzjoni li kien ressaq quddiem in-Nazzjonijiet Uniti meta kien serva bħala Ministru tal-Affarijiet Barranin, biex in-Nazzjonijiet Uniti tiddikjara l-klima tad-dinja bhala patrimonju komuni tal-umanita’.
Il-kxif tal-monument ta’ Ċensu Tabone kien akkumpanjat minn serata kommemorattiva li matulha tkellem ukoll l-eks Kummisarju Ewropew Tonio Borg li ddeskriva lil Ċensu Tabone bħala ‘n-nannu maħbub tan-nazzjon kollu’.
Fost dawk preżenti għal din is-serata kien hemm mart Ċensu, Maria Tabone u uliedhom, il-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Kap tal-Oppozizzjoni Simon Busuttil, il-Presidenti Emeriti Eddie Fenech Adami u Ugo Mifsud Bonnici, l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi u numru kbir ta’ deputati miż-żewġ naħat.
//= $special ?>