Internazzjonali

Spectre … It-titlu tal-film ġdid ta’ James Bond

‘Spectre’ hu l-isem tal-film li jmiss fis-sensiela popolari ‘James Bond’, b’dan iħabbru d-direttur, Sam Mendes, waqt avveniment li introduċa l-aħħar proġett bit-tema 007, li kien organizzat f’Pinewood Studios, f’Buckinghamshire.

Proprju min-nhar it-Tnejn jibda x-xogħol ta’ fotografija prinċipali fuq is-sett ta’ Pinewood Studios, bl-attur Daniel Craig se jinterpreta l-parti ta’ Bond għar-raba’ darba fil-karriera tiegħu.

‘Spectre’ hu l-24 film uffiċjali fil-franchise ta’ James Bond u għandu joħroġ għall-wiri fir-Renju Unit fit-23 ta’ Ottubru tas-sena d-dieħla.

Minbarra Craig, l-atturi oħra f’dan il-film jinkludu Andrew Scott u Dave Bautista, waqt li t-Taljana Monica Bellucci u l-Franċiża, Lea Seydoux, se jagħmlu d-debutt tagħhom bħala ‘Bond girls’.

L-attur Christoph Waltz, darbtejn rebbieħ tal-Oscar, ukoll se jieħu sehem fil-film fejn jinterpreta karattru bl-isem Oberhauser. Intant, hemm anki spekulazzjoni li Waltz, fil-verita, se jkun qed jinterpreta l-parti ta’ Ernst Stavro Blofeld, l-avversarju antik ta’ Bond fir-rakkonti immortali ta’ Ian Fleming; l-awtur tal-kotba ta’ James Bond.

‘Spectre’ f’dan il-każ, hu terminu fil-qasir għal ‘Special Executive for Counter-Intelligence, Terrorism, Revenge and Extortion’, li hu network internazzjonali ta’ kriminali, b’Ernst Bofeld bħala ‘l-Kriminali Numru Wieħed’.