Tnaqqis inkwetanti fl-esportazzjoni u fl-importazzjoni jekk il-Gvern ma jiħux azzjoni issa
Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Mario de Marco, appella lill-Gvern biex ma jinjorax it-twissijiet li qed isiru mill-industrija tan-negozju u l-kummerċ; jagħti kas lill-istatistika f’pajjiżna u dik Ewropea; u jindirizza r-realtà ekonomika ta’ pajjiżna qabel ma jkun tard wisq.
Dan quddiem ir-realtà li kontra x-xejriet fl-Ewropa, Malta qed tirreġistra tnaqqis kemm fl-importazzjoni kif ukoll fl-esportazzjoni.
Dan l-appell sar fil-Parlament fil-bidu tad-dibattitu dwar il-Ministeru tal-Ekonomija, l-Investiment u Intrapriżi Żgħar.
Mario de Marco rrifera għad-dokument tal-Kamra tal-Kummerċ dwar il-viżjoni għall-ekonomija ta’ pajjiżna li jħares lejn l-isfidi u jitlob lill-politiċi li jagħmlu wkoll l-analiżi tagħhom dwar ir-realtà li qed tesperjenza u l-ekonomija f’pajjiżna.
Fil-kuntest ukoll ta’ kummenti mill-Prim Ministru li kkritika lill-Oppożizzjoni fuq il-premessa li ma tifhem xejn dwar il-politika ekonomika li qed jimplimenta l-Gvern, Mario de Marco appella biex inkunu realistiċi u nħarsu lejn l-istatistika bħala t-termometru u l-boxxla tal-ekonomija tagħna bl-iskop li l-ekonomija timxi ‘l quddiem u mhux lura.
Mario de Marco qal li 40% tal-valur miżjud tal-ekonomija mhux ġej mis-settur privat iżda mis-settur pubbliku. Terz tal-impjiegi ġodda nħolqu fis-settur pubbliku.
Filwaqt li fisser li għal snin twal pajjiżna kellu aktar nies milli suppost mal-Gvern, li jġib piż tqil fuq il-finanzi pubbliċi, fisser li kienu gvernijiet Nazzjonalisti li wettqu proġetti ta’ privatizzazzjoni li ħolqu opportunitajiet ġodda għax-xogħol fil-privat.
U filwaqt li fisser li s-snin ta’ gvernijiet Nazzjonalisti kienu jippreżentaw sena wara oħra tnaqqis fl-impjiegi fis-settur pubbliku, taħt dan il-Gvern qed nesperjenzaw żidiet mhux żgħar. L-istatistika turi li filwaqt li fl-2004 iċ-ċifra tal-impjiegi kienet tlaħħaq 46,000 li niżlet għal 40,000 fl-2012; telgħet għal 41,000 fl-2013 u sa Ġunju li għadda telgħet għal kważi 46,000 u lura għall-ogħla livelli tal-aħħar snin.
Għad-difiża tal-Gvern li fis-settur pubbliku kien hemm id-dħul temporanju ta’ 700 impjieg mill-Arriva, Mario de Marco qal li dan hu riżultat ta’ gvern li mexa bil-politka ta’ konfrontazzjoni ma’ kumpanija privata li tneħħiet mis-servizz tat-trasport pubbliku. Semma kif hekk kif dan is-servizz imur lura għand il-privat, mill-ewwel sena se jitħallas sussidju ta’ €23 miljun meta mqabbel mal-€10 miljun li l-Gvern kien jagħti lill-Arriva.
Mario de Marco sejjaħ ukoll bħala nuqqas ta’ trasparenza dwar iż-żidiet fl-impjiegi fis-settur pubbliku meta mhux kull Ministru wieġeb il-mistoqsijiet li għamel dwar kemm żdiedu impjiegi fis-settur pubbliku.
Irrimarka wkoll li maż-żieda fl-impjiegi fis-settur pubbliku, qed tiżdied ukoll in-nefqa pubblika għas-salarji, bl-istima għas-sena d-dieħla hi ta’ 9% aktar jew żieda ta’ €57 miljun.
Dwar il-pożizzjoni tal-Gvern li qed jgħid li l-esportazzjoni hi aħjar illum milli kif sabha, fisser kif l-istatistika turi li l-esportazzjoni fl-2011 kienet ta’ €3,800 miljun; fl-2012 telgħet għal €4,438 miljun, fl-2013 niżlet għal €3,900 miljun; u bejn Jannar u Awwissu kien hemm ukoll tnaqqis tal-esportazzjoni ta’ 27 % u dan kien wara li fl-2013 fl-istess perjodu kien hemm tnaqqis rekord ta’ aktar minn 12%.
Dan ifisser tnaqqis fuq tnaqqis, u dan hu inkwetanti, qal Mario de Marco, li fisser li dan hu tnaqqis kontra x-xejriet tal-pajjiżi fl-UE.
Wissa li jekk il-Gvern se jkompli jgħid li m’hemmx problema, ikompli jgħaddas rasu fir-ramel u ma jagħmel xejn, il-kaġun ta’ din is-sitwazzjoni u tal-problemi akbar li jinħolqu jkun kollu tal-Gvern għax ikun injora problema u ma indirizzahiex.
Spjega li din ix-xejra negattiva qed tolqot is-setturi varji tal-manifattura f’pajjiżna, fost l-oħrajn bi tnaqqis ta’ kważi 24% fit-turnover fis-settur tal-kompjuters u prodotti elettronici; fil-prodotti farmaċewtiċi bi kważi 21%, tal-istampar bi kważi 15%; u t-tnaqqis fl-esportazzjoni minn diversi setturi li l-Kamra tal-Kummerċ tibqa’ tappella għar-respsonabbiltà biex il-Gvern jindirizza din ir-realtà.
Semma wkoll li t-tnaqqis fl-esportazzjoni qed ikollha wkoll effett fuq l-impjiegi fil-manifatturi kif ukoll fi tnaqqis ta’ sigħat ta’ xogħol tal-ħaddiema f’dawn is-setturi.
F’eżempju ieħor tal-attenzjoni akbar li jrid jagħti l-Gvern lill-ekonomija li tinsab f’salib it-toroq, Mario de Marco semma li l-kompetittività ta’ Malta ma tjibitx, b’Malta taqa’ sitt postijiet fl-Indiċi Globali tal-Kompetittività, u tikklassifika fl-aħħar kategorija fir-rapport tal-UE.
Semma wkoll li fir-rapport dwar start-ups għan-negozji f’Malta, jirriżulta li minn stħarriġ fuq 144 pajjiż, Malta ġiet fil-128 fuq proċeduri f’negozju ġdid.
Awgura lill-Gvern ma jibqax jgħid li dan mhux bozza ħamra, u jirrealizza li hemm problemi li rridu nindirizzaw biex il-manifattura tqum fuq saqajha.
Fisser ukoll li l-importazzjoni wkoll qed tonqos u dan hu riflessjoni ta’ dak li qed nimpurtaw għal dak li nikkunsmaw. Fl-2013 l-importazzjoni naqset bi 8% u bejn Jannar u Lulju naqset b’aktar minn 10%. Il-bejgħ mill-ħwienet ukoll ra l-akbar tnaqqis fil-pajjiżi tal-UE kontra x-xejra Ewropea.
Mario de Marco semma wkoll lista ta’ taxxi ġodda għas-sena d-dieħla li se jolqtu direttament lill-industrija tal-produzzjoni tal-inbid, lis-settur tal-proprjetà u l-kostruzzjoni, il-liċenzji u l-poloz tal-assigurazzjoni, u lill-industrija tal-fish farms, il-mizati tal-eżamijiet li għolew qabel il-baġit; kif ukoll il-prezzijiet għolja li l-Gvern żamm tal-gass, tal-petrol u d-diesel li baqgħu ma jirriflettux ir-roħs fil-prezz internazzjonali.
//= $special ?>