Baġit 2015 Lokali Parlament

Baġit li żied it-taxxi

Gvern li qed jibgħat messaġġ li kollox jgħaddi u għamel li trid

Id-Deputat Nazzjonalista Antoine Borg qal li dan hu Baġit li żied it-taxxi, u r-realtà hi li l-piż tat-taxxi żdied b’1%, b’żieda wkoll fil-ħlasijiet għas-servizzi mid-dipartiment tal-Gvern li ma nafux b’kemm u fuq liema servizzi se jkun hemm iż-żieda fit-taxxi.

Irrimarka li t-tnaqqis fit-taxxi li hemm fil-Baġit hu l-kontiwazzjoni tal-programm ta’ Gvern Nazzjonalista għal tnaqqis fit-taxxa fuq id-dħul mifrux fuq tliet snin, u l-bqija kien hemm biss żieda fit-taxxi. Hu baġit xhieda ta’ Gvern li ma jitwemminx mill-Oppoiżzzjoni, min-nies u lanqas mill-Kummissjoni Ewropea.

Baġit ippreżentat mill-Gvern li joħloq ċirkustanzi li lanqas ma jitwemmnu.

Dwar l-għanijiet tal-Gvern tal-baġit, dik li tinbena soċjetà ġusta għal livell tal-għajxien aħjar, Antoine Borg qal li kellna l-aktar rata ta’ żieda baxxa fi 30 sena u ma’ dan ta biss €30 ta’ darba u mhux lill-familiji kollha. Se jinltaqtu ħażin ukoll mill-Baġit dawk li se jħallsu aktar għas-servizzi tal-gvern, dawk li se jkunu qed iħallsu kera ogħla tal-housing soċjali, u dawk lijridu jħallsu miżati ogħla għall-eżamijiet.

Semma wkoll il-kategorija ta’ nies li jridu jibdew jirreġistraw għall-VAT għax jaqalgħu mhux aktar minn €7000; l-impożizzjoni tat-taxxa tal-capital gains anke għal min jitlef mil-bejgħ jew ibiegħ fi żmien qasir.

Dan hu Gvern ukoll li ressaq baġit li qed jgħid li se jinċentiva x-xogħol u jippremja lil min hu bieżel, iżda se jikkastiga lil min imur għax-xogħol għax dan irid juża l-karozza li se jonfoq aktar f’taxxi fil-liċenzji, fit-tyres, fil-petrol u d-diesel, żieda fil-liċenżja, u żieda ta’ konsum ta’ fuel minħabba t-traffiku fit-toroq.

Antoine Borg spjega wkoll li minn April tal-2013 sa Ġunju 2014, id-dejn żdied b’€600 miljun, u li dawn il-Gvern irid jissellifhom minkejja ż-żieda qawwija ta’ taxxi li daħħal fil-Baġit għas-sena d-dieħla. Dan hu riżultat ta’ Gvern bla kontroll fuqu nnifsu, u ta’ Gvern li qed idaħħal bla rażan mijiet ta’ ħaddiema mal-Gvern meta kien hemm politika li ma jiddaħħlux nies mal-Gvern jekk mhux bi bżonn.

Jekk l-aġenziji internazzjonali ta’ credit ratings jagħtu fama ħażina lil Malta, id-Deputat Nazzjonalista qal li jkun hawn meta jibdew il-problemi għal dan il-Gvern.

Dan hu Baġit ukoll li se jkun qed iħallas il-prezz ta’ politika ħażina fit-trasport pubbliku meta issa nafu diġà li se nkunu qed inħallsu f’sussidju aktar mit-tripplu ta’ dak li konna nħallsu s’issa. L-inkwiet hu akbar għaliex din mhix politika sostenibbli li se tissarraf f’piż fuq l-ekonomija Maltija.

Dan hu Gvern li qed jibgħat messaġġ li “kollox jgħaddi u għamel li trid”.

Antoine Borg qal li x-xogħol għandu jinħoloq mill-privat u mhux fis-setur pubbliku għaliex huma l-impjiegi ġodda fis-settur privat li jridu jissarrfu f’ġid għall-ekonomija nazzjonali.

Gvern li mhux jiġi emmnut lanqas mill-UE li qed twissi lill-Gvern li qed jagħmel miri ottimisti wisq għal sitwazzjoni nkwetanti u li l-Gevrn se jkun qed joħroġ ħafna aktar flus minn dak li qed jippjana u l-gvern mhux qed juri ħeġġa biex jindirizza dawn l-sifidi ta’ pajjiżna u tal-poplu tagħna.