Lokali

Ciantar u Tim Chaudron Champions tad-Dinja

Is-sewwieq Malti tal-Powerboats Aaron Ciantar kien inkurunat Champion tad-Dinja fil-Klassi V1 tal-Powerboats organizzati mill-Union Internationale Motanautique (UIM) waqt l-aħħar grand prix li sar fl-Emirati Għarab Magħquda.

Din hi r-raba’ darba li Ciantar rebaħ it-titlu tad-dinja bħala membru tal-ewkipaġġ. Kienet ukoll is-sitt darba li dgħajsa Chaudron maħduma Malta rebħet it-titlu tad-dinja.

Wara li matul il-lejl kienet irtirata l-iskwalifika tat-tim ta’ Bernico-New Star minħabba li kien hemm żball fl-użin tad-dgħajsa, id-distakk bejn u x-Chaudron ta’ Aaron Ciantar u Dominique Martini li kienu jinsabu l-ewwel b’67 punt wara li rebħu wkoll il-pole u l-ewwel tiġrija f’Abu Dhabi, naqas hekk kif Aquasport ta’ Daniel Cramphorn u Nico Hybens kellhom 58 punt quddiem Stefano Bonanno u Maurizio Schepici b’54 fuq il-powerboat Tommy One.

Għall-aħħar tiġrija r-riħ qawwi li ddomina fl-ewwel jum naqqas sewwa u l-organizzaturi taw permess lill-parteċipanti biex isuqu fil-massimu tal-kapaċitajiet tagħhom.

Sfortunatament Ciantar sofras ħsarat f’waġda mill-makni tiegħu u temm fir-raba’ post imma dan kien biżżejjed biex it-tim Chaudron li kien qed iperper il-bandiera Maltija żamm l-ewwel post fil-klassifika u kien dikjarat Champion tad-Dinja.

Fiż-żewġ tlielaq preċedenti fil-Mediterran Ciantar u Chaudorn kienu rebħu t-tiġrija f’Ibiża u ġew it-tieni f’dik tal-Italja f’Terracina.