Is-sejba, fl-2012, tal-iskeletru tar-Re Richard III tal-Ingilterra kienet fost l-aktar importanti mil-lat storiku, iżda l-arkeologi ftit setgħu jbassru li s-sejba partikulari, ’il quddiem setgħet tixħet dubju fuq l-eredità tal-membri tal-aristokrazija, kif ukoll fuq l-eredità tal-Familja Rjali Ingliża.
Il-katavru tar-Re kien instab taħt sit għall-parkeġġ f’Leicester u x-xjenzjati kellhom jieħdu kampjun tad-DNA tiegħu u jqabbluh ma’ tad-dixxendenti biex jaċċertaw li l-għadam tassew kien ta’ Richard.
Il-provi ġenetiċi permezz tad-DNA min-naħa ta’ omm ir-Re urew mingħajr dubju li l-katavru tassew kien ta’ Richard. Madankollu, l-analiżi tal-bloodline ‘li jgħaddi mill-missier għall-iben’ u li f’dan il-każ jinvolvi d-dixxendenti li ma ssemmewx ta’ Henry Somerset, il-Ħames Duka ta’ Beaufort, uriet li d-DNA partikulari ma qabilx ma’ ta’ Richard III.
Dan ifisser li kien hemm punt, fl-istorja, meta din il-‘katina’, min-naħa tal-missier, inkisret b’riżultat ta’ adulterju. Filwaqt li impossibbli biex wieħed jiffissa ż-żmien tal-adulterju, jekk dan il-każ seħħ fiż-żmien tar-Re Edward III (1312-1377) kapaċi jqumu d-dubji ġodda dwar jekk Rejiet bħal Henry VI, Henry VII u Henry VIII kellhomx tassew ‘demm irjali’ u, għaldaqstant, id-dritt li jirrenjaw.
Mingħajr dan id-dritt, mhux probabbli li Henry VII kien se jirnexxilu jiġbor armata għall-famuża Battalja ta’ Bosworth fejn inqatel ir-Re Richard III u, għaldaqstant, l-istorja tal-Ingilterra setgħet tiżvolġi b’mod differenti għall-aħħar.
Dubji fuq l-eredità rjali Ingliża
