Iffirmar ta’ kuntratt bejn il-kumpanija nazzjonali tal-ajru Air Malta u l-Malta Industrial Parks (MIP), li kellu jkun iffirmat ftit għall-ħabta tal-10.30am fil-Berġa tal-Baviera fil-Belt, kien ikkanċellat jew pospost ħabta u sabta. MaltaRightNow.com jinsab infurmat li l-iffirmar kien jirrigwarda l-bejgħ tas-sit l-antik tal-Lufthansa f’Ħal Luqa.
Hu mifhum li l-kuntatti bejn l-Air Malta u l-MIP ilhom għaddejjin għal dawn l-aħħar ġimgħat biex finalment kollox kien ippjanat għall-iffirmar finali dalgħodu biex din il-medda kbira ta’ art ma tibqax f’idejn il-linja nazzjonali tal-ajru, iżda tgħaddi f’idejn il-MIP. Jirriżulta li dawk kollha kkonċernati mill-bejgħ ta’ din l-art żammew skiet totali dwar in-negozju u t-trasferiment tal-art inkwistjoni.
Sorsi infurmati tajjeb li tkellmu ma’ MaltaRightNow.com qalu li l-bejgħ tal-art lill-MIP kien jammonta għal miljuni kbar ta’ ewro u jista’ jitqies bħala wieħed mit-tentattivi tal-Gvern biex jibda jtaffi l-problemi finanzjarji kbar li qed tiffaċċja l-kumpanija nazzjonali tal-ajru Maltija.
//= $special ?>