Bħal-lum 28 sena it-theddida għad-demokrazija f’pajjiżna laħqet l-agħar livelli fl-istorja b’attakk fuq il-Każin Nazzjonalista tal-Gudja, li kawża ta’ dan l-attakk inqatel iż-żagħżugħ Raymond Caruana. Kollox beda filgħaxija meta grupp ta’ partitarji Nazzjonalisti nġabru fil-Każin għall-attività soċjali abbinata mal-inawgurazzjoni tal-Każin u l-bidu tal-istaġun tal-Festi tal-Milied.
Kien tard filgħaxija, fi tmiem l-attività li għaliha kellu jattendi wkoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Eddie Fenech Adami, li mit-triq siekta tal-Gudja għaddiet vettura misjuqa minn numru ta’ partitarji Laburisti u li minnha kienu sparati 13-il tir fi ftit sekondi minn sub-machine gun lejn il-Każin Nazzjonalista. Filwaqt li numru ta’ bullets weħlu fil-ħajt madwar il-bieb tal-Każin, waħda minnhom nifdet il-ħġieġa tal-bieb tal-Każin u laqtet lil Raymond, li kellu 25 sena. Hu miet żvinat fil-Każin.
F’diskors li għamel l-għada tal-każ, il-Kap Nazzjonalista Eddie Fenech Adami qal li l-Partit jemmen li dawk li dakinhar sparaw fuq il-Każin tal-Gudja kienu wkoll involuti f’inċidenti oħrajn li seħħew fil-jiem li għaddew fit-Triq tal-Barrani u fil-Każin Nazzjonalista ta’ Ħal Tarxien. Hu appella wkoll biex il-poplu jibqa’ magħqud u jaħdem għar-rikonċiljazzjoni nazzjonali. Għall-aħħar tislima lil dan il-Martri tal-Libertà, li tmexxiet mill-Arċisqof Ġużeppi Mercieca, Malta ngħaqdet fil-ġlieda biex pajjiżna jerġa’ jikseb id-demokrazija li kien qed jitlef.
Biex jaħbi lil dawk li għamlu dan ir-reat, il-Gvern Soċjalista kien għamel frame-up biex iwaħħal fl-attivist Nazzjonalista Pietru Pawl Busuttil, li mbagħad irriżulta fil-Qorti li qatt ma kellu x’jaqsam mal-isparatura li biddlet l-istorja politika ta’ pajjiżna.
//= $special ?>