Lokali

Filmat: Il-PETA titlob ġustizzja wara s-swat ta’ żiemel fil-Mosta

L-għaqda internazzjonali favur it-trattament tajjeb tal-annimali, il-PETA, appellat lill-Gvern Malti biex iwettaq ġustizzja mas-sid ta’ żiemel li f’filmat jidher isawwat mingħajr ħniena żiemel miżmum fi stalla fil-Mosta.

Filwaqt li tfakkar li l-azzjonijiet tar-raġel imorru kontra l-liġi Maltija, il-PETA nnutat ukoll il-kundizzjonijiet li fihom hu miżmum iż-żiemel, fosthom stalla żgħira wisq għalih.

Il-PETA fakkret li meta l-filmat ġie żvelat għall-ewwel darba, hi kienet għaddiet id-dettalji tar-raġel, inkluż ismu u l-indirizz fejn joqgħod, lill-awtoritajiet Maltin u talbet li jkun investigat, tittieħed azzjoni legali kontrih u jiġi konfiskat iż-żiemel.

Madankollu l-PETA nnutat li t-talba tagħha waqgħet fuq widnejn torox u għalhekk talbet l-għajnuna tal-pubbliku.

Filfatt il-PETA ppublikat l-indirizz elettroniku tas-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes, id-Direttur tad-Dipartiment tal-ħarsien tal-annimali Joseph John Bonello, l-Kummissaru tad-Drittijiet tal-Annimali Emanuel Buhagiar, l-Aġent Kummissarju Ray Zammit u l-Assistent Kummissarju Martin Sammut fejn talbet lill-pubbliku biex jibgħat email u jwassal it-talba tiegħu biex issir ġustizzja.