Waħda mill-bidliet li seħħew wara l-aħħar elezzjoni ġenerali hi l-attitudni tal-Gvern mal-istituzzjonijiet tal-pajjiż. Dak li qal l-Ombudsman aktar kmieni din il-ġimgħa fir-rapport tiegħu jikkonferma kemm il-Gvern immexxi minn Joseph Muscat jimmina l-istituzzjonijiet f’pajjizna, mhux b’anqas l-Uffiċċju tal-Ombudsman, li hu rwol li suppost hu indipendenti. Għalhekk, meta Muscat jgħid li hu ma jimminax l-istituzzjonijiet ma jkunx qed jitwemmen.
Dan intqal f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Jason Azzopardi, mill-Kelliem għall-Ippjanar u s-Simplifikazzjoni tal-Proċessi Ryan Callus u mill-Kelliema għad-Djalogu Soċjali u l-Libertajiet Ċivili Claudette Buttigieg. B’referenza għal dak li qal il-Prim Ministru it-Tnejn li għadda, jiġifieri li ma jimminax l-istituzzjonijiet, Jason Azzopardi qal li dan mhux minnu.
“Dan mhux jien qed ngħidu, iżda qed jgħidu l-Ombdusman”, sostna Jason Azzopardi. Hu għamel referenza għall-mod kif il-Gvern fetaħ battalja kontra l-Uffiċċju tal-Ombudsman biex ma jħallix lill-Ombudsman jinvestiga lmenti dwar transfers vendikattivi fil-Forzi Armati ta’ Malta.
Id-Deputat Ryan Callus sostna li minn issa l-Oppożizzjoni qed twiegħed li meta tkun fil-Gvern tagħmel ġlieda kontra kull abbuż tal-poter billi jkun hemm garanzija li l-istituzzjonijiet li suppost jiddefendu liċ-ċittadin ikunu tassew indipendenti u mhux pupazzi f’idejn il-Gvern.
Min-naħa tagħha, id-Deputat Claudette Buttigieg qalet li l-Oppożizzjoni għandha fiduċja assoluta fl-istituzzjonijiet u l-entitajiet li jiggarantixxu d-demokrazija, tant li aktar kmieni din il-ġimgħa ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) dwar diskors diskriminatorju kontra n-nisa li għamel il-Ministru Evarist Bartolo l-Ħadd li għadda.
//= $special ?>