Lokali

IL-KAŻ MANWEL MALLIA: Issa attentat ta’ frame-up

Fil-paniku li l-ogħla uffiċjali tal-Gvern għandhom biex jaraw kif se joħorġu mill-attentat ta’ cover-up dwar il-każ tal-isparatura tax-xufier tal-Ministru Manwel Mallia, kollox jindika li issa se jgħaddu għal xi ħaġa ferm agħar – frame-up biex jeħel iż-żgħir. B’hekk, filwaqt li jidhru li qed jagħmlu xi ħaġa, jiskolpaw lilhom infushom minn dan il-kjass kbir ħafna.

Illum il-ġurnal ‘In-Nazzjon’ jista’ jiżvela bl-aktar mod esklussiv kif dan il-pjan ilu jinħema sa mill-aħħar tal-ġimgħa l-oħra u b’riżultat ta’ dan Surġent tal-Pulizija stazzjonat fl-Għassa tal-Gżira – li, iżda, meta jkun meħtieġ iservi wkoll fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Tas-Sliema – dalgħodu mistenni jitressaq il-Qorti u jkun akkużat li bagħbas mal-istqarrija li għamel mal-Pulizija x-xufier tal-Ministru Manwel Mallia, il-Kuntistabbli Paul Sheehan.

Dan is-Surġent (ritratt) Leroy Balzan Engerer, bħas-Surġenti kollha l-oħra u Fizzjali oħrajn fil-Korp tal-Pulizija, għandu aċċess personali għal dik li hi magħrufa bħala l-“Police Incident Reporting System” (PIRS). Permezz ta’ password personalizzata, dak li jkun jista’ jidħol f’ċertu data u jużaha skont il-bżonnijiet u l-ħtiġiet tal-Korp.

Jirriżulta li l-investigaturi fil-każ ta’ Manwel Mallia, ftit sigħat wara l-isparatura fil-Gżira, kienu reġgħu sejħu lill-Kuntistabbli Paul Sheehan u hawnhekk hu għamel stqarrija proprju fl-Għassa tal-Pulizija tal-Imsida fejn kienet qed issir u titmexxa l-Inkjesta bil-Maġistrat.
Nifhmu li xi jiem wara, din l-istqarrija tax-xufier Paul Sheehan kienet mimsusa billi xi ħadd irnexxielu jidħol fil-PIRS, illoggja fuq fejn kien hemm din l-istqarrija u bi ħsieb, jew inċidentalment, tajjar parti minnha.

Is-Surġent Balzan Engerer diġa’ ċaħad bil-qawwa kollha

Minn investigazzjonijiet li għamlet ‘In-Nazzjon’ matul is-sigħat li għaddew jirriżulta li min bagħbas mal-istqarrija oriġinali tax-xufier Paul Sheehan fil-konfront tas-sewwieq Skoċċiż Stephen Smith, għamel dan billi uża l-kompjuter u l-password li ssoltu juża s-Surġent Leroy Balzan Engerer.
Nifhmu li fil-fatt hi prassi komuni ħafna li minħabba li Kuntistabbli u anki Rekluti m’għandhomx aċċess għal din is-sistema, dawk li għandhom dan l-aċċess – sew Surġenti kif ukoll Fizzjali oħra – jidħlu huma f’din is-sistema u mbagħad iħalluha miftuħa u disponibbli għal dawk il-kollegi tagħhom li jkunu jridu jużawha għal skop ta’ xogħol.

Jirriżulta f’dan il-każ – u dan minn informazzjoni mill-qalba tal-istħarriġ tal-Pulizija stess – li s-Surġent Leroy Balzan Engerer qatt ma kien daħal u bagħbas din l-istqarrija tax-xufier tal-Ministru Manwel Mallia, kif qed jiġi akkużat, iżda fis-sistema tiegħu – jiġifieri mill-kompjuter tiegħu u bil-password tiegħu – daħlu terzi li għal xi raġuni bagħbsu din l-istqarrija.

Is-sorsi li tkellmu ma’ ‘In-Nazzjon’ komplew li ma jistgħux jifhmu għaliex qed isir dan l-għaġeb kollu dwar inċident li fl-aħħar mill-aħħar jista’ jkun deskritt bħala wieħed venjali għaliex il-parti nieqsa minn din l-istqarrija hi parti mingħajr sinjifikat partikolari. Jiġifieri min bagħbas ma’ din l-istqarrija u neħħa din il-parti probabbilment għamel dan bi żball u mhux b’intenzjoni, għaliex il-parti mtajra mill-istqarrija oriġinali mhix parti taħraq u ta’ kontenut sinjifikanti.

Fid-dawl ta’ dan ix-xenarju, nhar il-Ġimgħa li għadda l-investigaturi sejħu lis-Surġent Leroy Balzan Engerer u kien interrogat dwar dan il-fatt – ċioè li kien hu li daħal fl-istqarrija tax-xufier Paul Sheehan u tajjar parti minnha.

Nifhmu li s-Surġent Leroy Balzan Engerer, mingħajr l-assistenza ta’ Avukat, ċaħad bil-qawwa kollha li kien hu li għamel biċċa xogħol bħal din. Qal li veru daħal fl-istqarrija purament minħabba skop ta’ xogħol, iżda fl-ebda ħin ma pprova jagħmel kopja tagħha jew, agħar minn hekk, tajjar xi parti jew aktar minnha.

Nifhmu li spjega wkoll dak li għedna aktar ‘il fuq fis-sens li hu daħħal il-password tiegħu biex tintuża mill-kollegi tiegħu, inkluż Rekluti li m’għandhomx password, u daqshekk. Jidher li spjega wkoll li proprju fil-ħin indikat li sar it-tbagħbis fl-istqarrija tax-xufier tal-Ministru Manwel Mallia, hu ma kienx qed juża l-kompjuter.

Jumejn ilu, jiġiferi l-Erbgħa li għadda, l-investigaturi reġgħu bagħtu għas-Surġent Leroy Balzan Engerer u wara li tkellmu miegħu fit-tul, dan inżamm arrestat sakemm ilbieraħ hu ngħata l-Police Bail minħabba li kellu ċerimonja ta’ gradwazzjoni. Dalgħodu hu mistenni li jitressaq il-Qorti akkużat li f’jum f’Novembru li għadda, permezz tal-kompjuter, daħal fl-istqarrija tal-Kuntistabbli Paul Sheehan u bagħbas mal-oriġinal ta’ din l-istqarrija.

Sorsi fil-Pulizija spjegawlna wkoll l-involviment tal-Ispettur Gabriel Micallef li oħtu tiġi s-sieħba tal-Kuntistabbli Paul Sheehan.

Nifhmu li dan l-Ispettur dakinhar tal-isparatura wasal fil-post tal-inċident fi ftit tal-ħin u jirriżulta li kien hu, flimkien ma’ oħrajn, li allegatament ikkoordinaw biex il-karozza Vauxhall tittella’ fuq il-lowloader tal-Pulizija biex hekk intmesset ix-xena tar-reat.

Hemm min isostni wkoll li kien hu wkoll li mix-xena tar-reat fittex u ġabar minn mal-art ż-żewġ skrataċ tal-balal 9mm sparati mill-pistola Glock.

Jidher ukoll li dan l-Ispettur kien investigat anke dwar il-fatt li xi ħadd ‘misterjuż’ avvinċina omm u bint li jidher li kellhom filmati direttament konnessi mal-isparatura. Jidher li dan l-Ispettur allegatament mar isib liż-żewġ persuni li kellhom filmat u avviċinahom bl-iskuża li ried jara dawn il-filmati.

Micallef, fil-fatt, kien fost diversi membri tal-Korp suspettati li bagħbsu l-evidenza, li tpoġġew f’line-up biex iż-żewġ nisa jidentifikaw min kien li talabhom il-filmat, imma jidher li dawn ma identifikaw lil ħadd.

Dwar dan ix-xenarju kollu ‘In-Nazzjon’ hu nfurmat li hemm ‘ġlieda’ taħraq bejn l-Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Pulizija u l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali fis-sens li parti minnhom trid li dan jitressaq il-Qorti akkużat li fixkel l-investigazzjonijiet tal-Pulizija minħabba li bagħbas ix-xena tar-reat, filwaqt li parti oħra qed tipprova tiskansa milli dan l-Ispettur jitressaq il-Qorti.
Bħalissa dan l-istess Spettur Gabriel Micallef jinsab fuq leave sfurzat sakemm l-Inkjesta dwar din l-isparatura titlesta u jinħarġu l-konklużjonijiet tagħha.

Sitwazzjoni oħra li qed tkompli tiżviluppa minn mument għall-ieħor hi dik b’rabta mas-Supretendent Alexandra Mamo, li dakinhar tal-isparatura waslet fil-post tal-isparatura. Nifhmu li hemm min għandu interess li jitfa’ fuqha t-tort ta’ diversi nuqqasijiet li seħħew dakinhar, fosthom ukoll tal-famuż fatt li l-karozza Vauxhall spiċċat mgħobbija fuq il-lowloader ftit tal-ħin wara li kien seħħ il-każ.
Hemm min qiegħed jipprova jitfa’ dan in-nuqqas serju fuq din is-Supretendent li fil-verità meta marret fil-post tal-isparatura sabet li l-karozza diġà kienet tgħabbiet fuq il-lowloader u dan kien ifisser li kienet intmesset ix-xena tar-reat.

Dwar dan in-nuqqas gravi saret kritika ħarxa lil min ħa d-deċiżjoni li jibgħat minnufih il-lowloader tal-Pulizija fil-post u jgħabbi l-karozza f’tentattiv li din titneħħa mill-post tar-reat u hekk tintilef kull prova li din intlaqtet għal darba, darbtejn bil-balal sparati lejha mix-xufier Paul Sheehan.

Is-sorsi fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija żiedu jgħidu li anki l-Aġent Kummissarju tal-Pulizija Ray Zammit jidher li tilef it-trankwillità tiegħu u qiegħed ixomm li jista’ jkun hemm min għandu interess li jitfa’ kollox fuqu.