Lokali

Il-PN jgħid lill-Gvern biex jippubblika l-kuntratti tax-xiri tal-fuel

Fid-dagħdigħa biex jipprova jiġġustifika l-mod kif il-familji Maltin qed jiġu intaxxati għexierien ta’ ewro fix-xahar bi prezzijiet tal-fuel miżmuma artificjalment ogħla, il-Gvern ta’ Joseph Muscat qed jibqa’ jigdeb u jipprova jbellagħha lin-nies li qed iħallsu prezzijiet orħos minn pajjiżi Ewropej oħra.

Dan sostnieh il-PN fi stqarrija li qal li s-sit Ewropew li jiġbor f’ħin reali l-aħħar prezzijiet tal-fuels, juri kif il-prezz tal-petrol u d-diesel f’Malta huwa sostanzjalment ogħla mill-medja tal-Unjoni Ewropeja, u mill-maġġoranza assoluta ta’ pajjiżi fl-Unjoni Ewropeja.

Agħar minn hekk, il-Gvern qed jaħbi taxxa fuq il-prezz tal-fuel innifsu. Dan joħroġ ċar mit-tabella disponibbli fl-istess sit, li turi kif, jekk teskludi t-taxxi, il-prezz tal-petrol huwa 20% ogħla mill-medja Ewropeja. Dan ifisser li filwaqt li l-livell tat-taxxi fuq il-fuels huwa fuq il-livell Ewropew, il-prezz innifsu tal-fuel huwa sostanzjalment ogħla mill-bqija tal-Unjoni Ewropeja.

Bħala eżempju, wieħed jista’ jara l-każ tal-Iżvezja, fejn eskluż it-taxxi, il-prezz tal-petrol huwa 30 ċentezmu anqas minn ta’ pajjiżna u tad-diesel 27 ċentezmu anqas, u allura eżempju ċar li l-prezz tas-suq jagħti possibbilità tar-roħs li l-Oppożizzjoni ilha tinsisti fuqu fl-interess tal-familji Maltin u Għawdxin.

Il-PN sostna li affrontat b’dawn ir-realtaijiet, il-Gvern Laburista jinfexx jattakka personalment, flok jispjega kif, qed jimponi taxxa ġdida fuq il-poplu Malti, li ma ġietx approvata mill-Parlament, u li qed twassal biex il-familji Maltin iħallsu 28 ċentezmu aktar għall-petrol u 27 ċentezmu aktar għad-diesel.

L-Oppożizzjoni qed tisfida lill-Gvern biex jippubblika l-kuntratti ta’ xiri li daħal fihom u jispjega kemm il-poplu irid jibqa’ jħallas dawn il-prezzijiet u kemm irid jistenna sakemm igawdi minn dan ir-roħs, inkella jraħħas il-prezz immedjatament.