Lokali Qorti

MILL-QORTI: Surġent tal-Pulizija l-Qorti akkużat li biddel informazzjoni fl-Għassa tal-Pulizija, ma jingħatax il-libertà proviżorja

12.55pm: Mistoqsi mill-Maġistrat Francesco Depasquale x’jirrispondi għall-akkużi miġjuba kontrieh, is-Surġent Leeroy Balzan Engerer wieġeb fil-pront u b’vuċi għolja li mhux ħati. F’dan il-waqt, il-Prosekuzzjoni u d-Difiża bdew jargumentaw dwar aspetti legali marbuta mat-talba li għamlet id-Difiża għal-libertà proviżorja tiegħu.

Fis-sentenza tiegħu, il-Maġistrat Depasquale, f’Awla ddominata minn skiet perfett, qal li fiċ-ċirkostanzi ma jħossx li għandu jagħti l-libertà proviżorja. Hu ddiferixxa l-każ għall-bidu tal-kumpilazzjoni fil-12 ta’ Diċembru li ġej.

Is-Surġent Balzan Engerer poġġa għal ftit mumenti bilqegħda u flimkien mal-Avukati tiegħu ħareġ mill-Awla fejn għal ftit minuti poġġa bilqegħda fuq wieħed mill-bankijiet u deher jikkonsulta ma’ waħda mill-Avukati tiegħu.

12.40pm: Is-Surġent Leeroy Balzan Engerer għadu kemm tressaq quddiem il-Qorti mill-Ispetturi Jesmond Micallef u Sandro Camilleri, akkużat li fit-22 ta’ Novemberu bejn is-1pm u s-2pm, ipprevjena jew ostakola dħul għal xi data software jew dokumentazzjoni fl-Għassa tal-Pulizija f’tas-Sliema.

Hu kien akkużat ukoll li neħħa, biddel jew għamel ħsara fuq data software jew dokumentazzjoni. Kien akkużat ukoll li żvela xi password jew xi mod ieħor ta’ dħul lil persuni mhux awtorizzati.

Is-Surġent Balzan Engerer qed ikun difiż mill-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Angie Muscat, bil-każ qed jinstema’ quddiem il-Maġistrat Francesco Depasquale.