Kull min kellu x-xorti jara l-Musical “Sebaħ Jum” f’Ottubru li għadda, ħareġ b’kelma waħda: kemm kien ta’ livell għoli. Spettaklu ta’ kant, żfin, mużika u lirika b’messaġġ soċjali u storiku, li niżel għasel mal-udjenzi li ppakkjaw it-Teatru tal-Istitut Kattoliku fit-tliet darbiet li ttella’. Wara talba ġenerali, l-organizzaturi ħasbu biex issa “Sebaħ Jum” jittella’ wkoll f’Għawdex.
Fil-fatt, it-Tnejn li ġej, Festa tal-Kunċizzjoni, fis-2.30pm fit-Teatru tal-Oratorju Don Bosco fir-Rabat Għawdex. Din għandha tkun opportunità unika, b’mod partikolari għall-Għawdxin, biex igawdu dan il-Musical oriġinali b’kitba u lirika ta’ Joe Chircop, kompożizzjoni mużikali ta’ Mark Spiteri Lucas, arranġamenti u recording ta’ Philip u Sean Vella u direzzjoni ta’ Charles Stroud.
“Sebaħ Jum” hu l-Musical li juri l-aspetti li għadda minnhom pajjiżna biex kiseb l-Indipendenza, filwaqt li juri wkoll dak li għaddew minnu missirijietna fosthom bin-nuqqas ta’ xogħol, l-emigrazzjoni u l-kwistjoni politiko-reliġjuża. Ma jonqosx l-element tal-imħabba u l-emozzjoni. “Sebaħ Jum” hu l-Musical bi spettaklu għall-familja kollha u li ħadd m’għandu jitlef.
Il-booking għal din il-wirja ta’ “Sebaħ Jum” miexi tajjeb u wieħed jista’ jakkwista l-biljetti tiegħu mill-Booking Office tal-Oratorju Don Bosco jew billi jċempel 21556616 jew 79598643.
//= $special ?>