Sebastiano Brunno, li allegatament hu wieħed mill-Mexxejja tal-Mafja, appella mill-ordni ta’ estradizzjoni deċiża fid-29 ta’ Novembru li għadda mill-Maġistrat Aaron Bugeja. L-appell sar fil-Qorti tal-Appell Kriminali u fost affarijiet oħrajn fih jingħad li l-proċedura tal-estradizzjoni kienet difettuża minħabba li l-awtorizzazzjoni għall-proċediment tal-Ministru kienet ibbażata fuq din il-proċedura.
L-Avukat Roberto Montalto, li ppreżenta l-appell f’isem Brunno, qal li l-awtorizzazzjoni kienet imsejsa fuq dokumenti totalment żbaljati. L-akkużi li ħarġu mill-Qrati Taljani kienu żbaljati u għahekk l-estradizzjoni qatt ma kellha titwettaq minħabba li l-proċedimenti saru fuq dokumenti li fihom żbalji fattwali.
Sebastiano Brunno qed jitlob biex l-estradizzjoni tiġi ddikjarata nulla wara li fil-Qorti ħareġ li l-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani għamlu talba fuq sentenza li lanqas biss teżisti. Ingħad ukoll li ċ-ċertikat ta’ kundanna li ssostitwixxa dak esebit mhuwiex dokument legalment ammissibbli. Qal li ż-żmien karċerarju li jagħmel fil-ħabs l-Italja se jkun suġġett għal trattament inuman u degradanti.
L-Isqalli kien ġie arrestat matul il-jum tat-2 ta’ Ottubru li għadda fit-toroq ta’ Buġibba, ħames snin wara li l-Pulizija ta’ Sqallija kienu bdew tfittxija intensiva għalih. L-arrest kien segwit minn investigazzjoni interna kkordinata mit-Taqsima ta’ kontra l-Mafja ta’ Katanja flimkien mal-Iskwadri Maltin mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali u ta’ Kontra d-Droga.
//= $special ?>