Lokali

Simon Busuttil jirċievi l-ktieb “Is-Sedja Titkellem – It-Tieni Volum.”

L-iktar deċiżjoni diffiċli li ħadt kemm ili speaker kien ir-ruling li l-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi għandu dritt li jitlob li l-kuntratt ta’ Henley & Partners jiġi ppublikat biex ikun jista’ jsir skrutinju tiegħu.

Qal dan l-Ispeaker Anġlu Farrugia waqt laqgħa li hu kellu mal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil fejn huwa ippreżentalu l-ktieb “Is-Sedja Titkellem – It-Tieni Volum.”

Dan il-ktieb hu ġabra ta’ deċiżjonijiet, jew kif inhuma magħrufa aħjar bħala rulings, minn April sa Diċembru 2014.

Farrugia qal li hu għandu kuxjenza safja dwar kull deċiżjoni li ħa, u kompla li ħadem u se jibqa’ jaħdem biex jiġu rispettati d-drittijiet ta’ min hu fil-minoranza.

Anke’ l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil tkellem dwar id-deċiżjonijiet li jittieħdu mill-ispeaker. Qal li minkejja li mhux dejjem ikun hemm qbil dwar dawn id-deċiżjonijiet, l-Oppożizzjoni taqbel u trid tara li jkun rispettat il-prinċipju tad-demokrazija.

Hu faħħar il-pubblikazzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet tal-Parlament għaliex se jkunu utli mhux biss għall-Membri Parlamentari, imma wkoll għall-istudenti u dawk li tinteressahom il-ħidma fil-Parlament.