Internazzjonali

Spekulazzjoni kbira dwar ħsejjes misterjużi fis-sema

Sensiela ta’ ‘ħsejjes qawwija bħal splużjonijiet’ fis-sema ikkaġunaw mhux ftit tal-ispekulazzjoni fuq l-Internet wara li nstemgħu fuq ir-Renju Unit u New York, fl-Istati Uniti, fi tmiem il-ġimgħa.

L-abbonaturi mal-media soċjali ma żammewx lura mill-mistoqsijiet u ‘l-ispjegazzjonijiet’ għal dan il-fenomenu, b’ħafna jiktbu fuq Twitter li l-ħsejjes setgħu kienu ‘logħob tan-nar’, ‘ir-riżultat ta’ xi terremot’ jew ‘tip ta’ boom soniku’.

Kien hemm, imbagħad, suġġeriment li l-ħsejjes kienu dovuti għal ‘ajruplan sigriet li jintuża għal missjonijiet ta’ spjunaġġ’. Numru ta’ nies li jemmnu ‘fil-kumplotti’ qalu li l-ħsejjes kienu ġejjin minn proġett għal spy-plane futuristiku imlaqqam ‘Aurora’; bl-ajruplan inkwistjoni mifhum li jista’ jtella’ veloċita ta’ 8,000 mil fis-siegħa.

Mara residenti fi Croydon, fin-Nofsinar ta’ Londra, kienet semgħet il-ħsejjes fis-sema ‘qishom splużjonijiet tal-bombi li damu għaddejjin għal nofs-siegħa’. Hi kienet ħarġet biex tinvestiga u wara li ma setgħet tara xejn, bagħtet recording tal-ħsejjes lil qrabatha biex tkun taf jekk huma semgħux l-istess ħaġa.

Intant, ħafna abbonaturi tal-media soċjali, fil-lejl tal-Ħadd, ukoll irrappurtaw il-ħsejjes madwar ir-Renju Unit u li baqgħu jidwu mir-reġjuni lejn in-naħa ta’ fuq tal-Iskozja sa Kent, fl-Ingilterra. Dan wara li fil-jum ta’ qabel, il-ħsejjes misterjużi instemgħu anki fuq Bristol, Brighton, Staffordshire u nħawi oħra fir-Renju Unit, bir-residenti ta’ New York jirrappurtaw fenomenu simili.

Min-naħa tiegħu, Bhupendra Khandelwal, residenti f’Sheffield li jispeċjalizza fir-riċerka dwar l-inġinerija qal li ma jridx jinvolvi ruħu ‘fid-diskors dwar il-konfoffi’ iżda sostna li dejjem teżisti l-possibbilta ‘tat-teknoloġija li l-pubbliku mhux konxju minnha’.

Sadanittant, kulħadd għadu jistenna spjegazzjoni uffiċjali u kredibbli dwar il-ħsejjes misterjużi.