Lokali Qorti

Żagħażugħ ordnat biex ma jkomplix fit-triq li qabad u jibda jmur l-iskola għax jispiċċa l-ħabs

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Francesco Depasquale wissa żagħażugħ ta’ 15-il sena biex ma jkomplix fit-triq li qabad tal-inkwiet u jibda jmur l-iskola u jekk jonqos milli jagħmel dan jispiċċa l-ħabs. Huwa qallu wkoll biex ma jibqax jagħmilha ma’ ċirku ta’ persuni li qegħdin idaħħluħ f’xeba’ inkwiet.

Akkumpanjat minn ommu, ż-żagħażugħ li huwa minn San Pawl il-Baħar u li ismu ma jistax jissemma’ peress li huwa taħt l-eta’ġie akkużat b’numru ta’ serqiet, li jinkludu “snatch and grabs”.

Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur James Grech qal li każ minnhom jinkludi li flimkien ma’ persuni oħrajn żamm mara Ingliża, Angela Eve Reid, u wara li ta daqqa ta’ ponnn serqilha l-“handbag” u t-telefon ċellulari. Kien mixli wkoll li daħal f’kamra ta’ lukanda minn tieqa, u seraq ammont ta’ flus li kienu ta’ koppja Olandiża, Richard Alexander Geluk u Catherina Elizabeth Loogman, residenti fil-lukanda Sunflower, f’San Pawl il-Baħar.

Huwa ġie mixli wkoll li kisser in-nuċċali ta’ ċertu Joseph Micallef fil-ħin li kien qed jisraq numru ta’ oġġetti u flus lilu. Il-Maġistrat qal liż-żagħażugħ li li huwa kien se jitpoġġa fuq ordni ta’ probation għal perjodu ta’ erba’ snin u kien ikkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin. Hawn il-Maġistrat reġa’qal liż-żagħażugħ li kien qed iżomm fuq xagħra u għalhekk qallu li issa għandu ċans li jara li jirroforma ruħu u jaqbad it-triq it-tajba.

“Ma rridx nara ċċaqqlaq rasek, biex tapprova dak li qed ngħidlek għat-twissijiet li qed nagħmillek, iżda rridek tipprova li int kapaċi tirriforma ruħek, jekk taqbeż il-linja u l-uffiċjal tal-proabtion jinfurmani li għamilt xi ħaġa ħażina, din ma tkunx ta’ aħbar tajba għalik,” qallu l-Maġistrat Depasquale. L-Ispettur James Grech mexxa l-Prosekuzzjoni filwaqt li l-Avukat Joseph Mizzi deher għaż-żagħażugħ.