Minn Stewart Said
SLIEMA…………….…….1
HIBERNIANS.…………2
Sliema> G. Zammit, L. Martinelli, A. Scozzese, M. Mifsud, C. Psaila, M. Potezica, T. Cilia, F. Mangiacasale, D. Bocar, B. Muscat, S. Biancardi
Sost– P. Xuereb flok M. Mifsud 45’, K. Gnabouyou flok D. Bocar 55’, A. Friggieri flok L. Martinelli 77’
Hibs: H. Bonello, R. Gomes, R. Soares, A. Cohen, B. Kristensen, C. Failla, J. Bezzina, A. Agius, E. Luis dos Santos, J. Mbong, J. Periera da Silva
Sost– J. Lima flok B. Kristensen 64’, J. Pearson flok J. Mbong 85’
Skorjaw: E. Luis dos Santos 13’,61 (H), P. Xuereb 66’ (S)
Imwissija: L. Martinelli 11’, D. Bocar 18’, M. Potezica 77’, F. Mangiacasale 79’ (S), A. Cohen 20’, A. Agius 41’ (H)
Referee: Clayton Pisani
Il-mument Plejer tal-logħba – Edison Luis dos Santos (Hibernians)
Hibernians kisbu s-sitt rebħa konsekuttiva meta f’konfront li seta’ spiċċa differenti għelbu lil Sliema Wanderers 2-1. Ir-rebħa ta’ Hibs kienet meritata bi kmand assolut fl-ewwel siegħa logħob, iżda wara li Sliema naqqsu d-distakk, il-logħba nbidlet u li ma kienx għal gowlkiper Henry Bonello li salva ballun fl-aħħar minuti tal-partita, is-Slimiżi setgħu ħarġu b’punt minn dan il-konfront.
Minn naħa tagħhom Sliema għamlu sat-tieni gowl ta’Hibs b’ħames plejers fid-difiża, bit-tim ta’ Branko Nisevic ikollu kontroll assolut tal-partita. Iżda s-sabiħ tal-futbol hu li f’partita li ġew dominati, setgħu spiċċaw il-partita dro.
Wara li serraħ xi plejers fost il-ġimgħa meta eliminaw lil St. George’s, il-kowċ ta’ Hibernians Branko Nisevic għamel biss bidla waħda mill-aħħar konfront fil-kampjonat b’Joseph Mbong jibda flok l-imweġġa’ Marcelo Dias.
Minn naħa l-oħra l-kowċ ta’ Sliema Stephen Azzopardi kellu jgħaddi għal darba oħra mingħajr is-servizzi ta’ diversi plejers fosthom Clifford Gatt Baldacchino, John Mintoff, Paltemio Barbetti u Mark Scerri. Barra minn hekk mill-aħħar konfront tagħhom fil-kampjonat, Azzopardi għamel tliet bidliet b’Cilia, Potezica u Psaila jieħdu post Mintoff, Xuereb u Gnabouyou.
L-ewwel azzjoni waslet fuq in-naħa ta’ Hibernians fil-ħames minuta meta Jorginho irċieva ballun tajjeb u prova b’xutt bid-dawra li iżda Glenn Zammit kien attent u salva b’siequ. Żewġ minuti wara minn azzjoni ta’ korner daqqa ta’ ras ta’ Soares ġiet salvata minn Zammit.
Il-Pawlisti marru fil-vantaġġ fit-13-il minuta meta minn free-kick ta’ Clayton Failla, il-ballun niżel madwar diversi plejers, b’Glenn Zammit isalva parzjalment, iżda EDISON LUIS DOS SANTOS ħataf l-opportunita’ u mill-viċin ma żbaljax. Ir-risposta Slimiża kienet dgħajfa u għajr free-kick mid-distanza ta’ Trevor Cilia li għadda barra fil-21 minuta ma kien hemm l-ebda tentattiv denju.
Hibernians marru viċin it-tieni gowl fit-38 minuta meta Joseph Mbong krossja mil-lemin lejn Edison Luis dos Santos li għola tajjeb iżda d-daqqa ta’ ras b’saħħitha tiegħu għaddiet ftit barra.
Hibernians irduppjaw fil-61 minuta meta EDISON LUIS DOS SANTOS inkariga ruħu minn free-kick ħdejn il-kaxxa u b’xutt perfett ħalla lil Zammit jħares.
Iżda din id-darba kontra x-xejra tal-logħob Sliema naqqsu l-marġni meta PETER XUEREB rebaħ dwell ma’ Gomes u b’xutt b’saħħtu għadda l-ballun minn taħt saqajn Bonello. Is-Slimiżi marru viċin fit-72 minuta b’xutt minn barra l-kaxxa tas-sostitut Gnabouyou li għadda ftit għoli.
Sliema kellhom opportunita’ tad-deheb fit-88 minuta meta Trevor Cilia għeleb in-nasba tal-offside iżda minkejja li ġie wiċċimbwiċċ ma’ Bonello, ix-xutt kien fjakk u l-gowlkiper Pawlist salva parzjalment qabel mad-difiża biegħdet il-periklu.
//= $special ?>