Internazzjonali

Il-Libja għandha żewġ aġenziji tal-aħbarijiet tal-istat hekk kif l-anarkija tkompli

Il-gvern tal-Libja, rikonoxxut mill-komunita’ internazzjonali, qal li nieda aġenzija tal-aħbarijiet tal-istat ġdida biex tibdel dik li nħatfet minn fazzjonijiet armati wara li waqqfu gvern ieħor.

Tliet snin wara li r-ribelli waqqgħu lil Muammar Gaddafi mill-poter, l-akbar stat li jipproduċi ż-żejt qed jaqa’ f’anarkija totali. Il-Libja kellha żewġ gvernijiet u żewġ parlamenti mindu ribelli mill-belt ta’ Misrata ħadu l-kontroll ta’ Tripli f’Awwissu, semmew il-Prim Ministru tagħhom u sfurzaw il-gvern imwaqqaf kostituzzjonalment b’mod formali, biex imur elf kilometru lejn il-Lvant tal-pajjiż.

Il-ħakkiema l-ġodda fi Tripli waqqfu diversi ministeri u televiżjoni tal-istat, u b’hekk ikkonsolidaw il-ħakma tagħhom. Dan minkejja li n-Nazzjonijiet Uniti u pajjiżi tal-Punent jirrikonoxxu biss l-amministrazzjoni tal-Prim Ministru Abdullah al-Thani.