Lokali

Illum tingħata l-aħħar tislima lin-“nanna ta’ Simpatiċi”

Illum tingħata l-aħħar tislima lil Mary Rose Bonello, magħrufa aħjar bħala n-“nanna ta’ Simpatiċi”.

Il-quddiesa qed issir dalgħodu fil-Knisja ta’ San Girgor fejn hemm ukoll numru kbir ta’ atturi Maltin u membri tal-pubbliku li qed jagħtu l-aħħar tislima lil Mary Rose.

Matul ħajjitha, Mary Rose Bonello kellha karriera twila fuq il-palk u t-televiżjoni, kif ukoll b’numru ta’ radju-drammi.

Wara li bdiet il-karriera bħala attriċi fil-bidu tas-snin ħamsin, fl-1960 Maryrose Bonello kellha tieqaf mill-impenji tagħha biex tieħu ħsieb il-familja. Wara 15-il sena, hi rritornat fil-produzzjoni teleiżiva ta’ Wenzu u Rożi, li f’nofs is-snin sebgħin kienet popolari ferm mal-Maltin u l-Għawdxin.

Aktar riċenti, fil-parti tan-Nanna Katrin, Maryrose Bonello ħadet sehem għal numru ta’ snin fuq is-sensiela televiżiva li kienet tixxandar ukoll fuq NET Television.