Għar-raba sena konsekuttiva, l-istaff tal-Grand Hotel Excelsior ilbieraħ wettqu l’hekk imsejjha “Santa’s Swim”, fejn qabżu jgħumu fil-baħar, f’dan iż-żmien tas-sena.
Attivita’ li sena wara oħra qed tkompli tikber fil-popolarita’ bħala mezz li bih jinġabru iktar fondi għall-istrina.
Filfatt, din kienet ukoll it-tielet sena li fiha l-istaff tal-lukanda stiednu lil plejers lokali tal-Waterpolo, biex jieħdu sehem f’din l-inizjattiva altruwista. Dan minbarra s-sehem tal-banda tal-Korp tal-Pulizija, li animat din l-attivita’ bid-daqq ta’ innijiet tal-Milied.
Fost il-kummenti tal-parteċipanti, huma u telgħin minn għawma kiesħa, kien hemm min irrakkonta li din mhix l-ewwel darba li pparteċipa f’din l-għawma. Oħrajn spjegaw li minkejja li hi sfida differenti, li tpoġġik f’sitwazzjoni skomda u fl-ilma kiesaħ, hija wkoll ta’ sodisfazzjon għax permezz tagħha tkun qed tgħin lil min hu fil-bżonn.
Għal din l-okkażjoni attendiet ukoll il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, li faħħret inizzjattivi bħal dawn, li għandhom għal qalbhom is-solidarjeta’, partikolarment f’dan iż-żmien tas-sena.
//= $special ?>