KAMPJONAT BOV – L-EWWEL DIVISION
GŻIRA U …………………… 1
MSIDA SJ …………………. 0
Gżira U – A. Curmi, S. Moreno Marin (S. Giacani), D. Scerri, D. Vukovic, S. Meilak, M. Avila Perez, G. Aquilina, J. Mifsud, E. Ndjodo, R. Dalli (G. Calabretta), Y. Tonna (P. Dandolo).
Msida SJ – K. Rizzo, Z. Vukovic, G. Vella (K. Borg), S. Vella, I. Chircop, U. Anyanwu (G. Murakami), S. Schembri, D. Attard, M. Borda, R. Faria, L. Cassar.
Referee – Trustin Farrugia Cann
Wara serje ta’ erba’ telfiet konsekuttivi Gżira rritornaw għar-rebħ meta f’logħba missielta u kultant goffa għelbu lil Msida SJ b’gowl ta’ Ndjodo fit-tieni taqsima.
Ir-rebħa tal-Maroons kienet waħda meritata għaliex kienu huma li ħolqu l-aħjar ċansijiet tul id-90 minuta fejn dejjem fittxew li jattakkaw lill-avversarji tagħhom.
Bidu bilanċjat biż-żewġ naħat attenti għal xulxin. Biż-żewġ naħat f’qagħda mwiegħra fil-klassifika kien mistenni li t-tnejn joħorġu ferm iktar attenti mis-soltu li ma jsofrux l-ewwel gowl.
Fil-fatt l-ewwel attentat wasal wara erbatax-il minuta permezz ta’ Ryan Dalli li mpenja lil Kurt Rizzo b’xutt mill-bogħod. Erba’ minuti wara freekick ta’ Yanis Tonna u daqqa ta’ ras ta’ Moises Avila perez ftit barra.
L-ewwel azzjoni ta’ msida waslet fil-25 minuta b’xutt ta’ Schembri ferm għoli, filwaqt li Gżira kellhom tentattiv ieħor permezz ta’ Dalli li kien imblukkat minn difensur. Gżira issa komplew jiddominaw u jinsistu fl-attakk u kienu sfortunati fit-32 minuta meta Yanis Tonna għadda tajjeb fuq ix-xellug u qassam lejn Dalli li minn taħt il-lasta ra x-xutt tiegħu jistampa mal-mimduda.
Ftit wara azzjoni oħra tajba tal-Maroons fejn Ndjodo bir-ras żmarka lil Yanis Tonna li pprova jqabbeż il-ballun minn fuq Rizzo iżda l-lob tiegħu imur ftit għoli.
Kif bdiet it-tieni taqsima cross shot ta’ Steve meilak niżel fuq il-mimduda u fuq in-naħa l-oħra Anyanwu naqas li jikkontrolla mill-viċin wara li Curmi ħarablu l-ballun minn idu. Fis-57 minuta azzjoni tajba ta’ Msida b’inseriment ta’ Faria u xutt ftit għoli.
Fit-72 minuta Gżira fetħu l-iskor meta f’azzjoni pjuttost konfuża, is-sostitut Calabretta li kien għadu kif daħal, qassam lejn EDUARDO NDJODO li rnexxielu jegħleb lil Rizzo mill-viċin.
Fit-80 minuta ċans ieħor għal Gżira permezz ta’ Vukovic li għeleb lil Rizzo iżda minn fuq il-linja salva l-periklu leslie Cassar. Gzira baqgħu jsibu ħafna spazju fl-attakk u ftit wara Gianluca Calabretta daħal tajjeb fil-kaxxa iżda x-xutt tiegħu kien salvat minn Rizzo.
Fid-90 minuta kontrattakk veloċi ta’ Gżira b’Tonna jġib waħdu lil Avila Perez li qabeħ lill-gowlkeeper iżda x-xutt tiegħu ġabat mal-lasta u Darren Attard tajjar il-ballun qabel Tonna seta’ jkompli għal ġewwa. L-aħħar battuti kienu ta’ Msida b’għadd ta’ attakki sterili li ma nkwetawx lid-difiża tal-Maroons.
//= $special ?>