Lokali

FILMAT: “Joseph Muscat għandu jippublika t-telefonati li rċieva dakinhar”

Aġġornata b’reazzjoni mill-Prim Ministru u filmat

L-Oppożizzjoni kellha raġun mill-ewwel – Simon Busuttil

“L-Oppożizzjoni kellha raġun mill-ewwel. Il-Gvern għamel cover-up, qaleb il-verita’ ta’ taħt fuq u prova jgħatti l-fatti”

Kien dan il-kliem tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista u tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, b’referenza għall-konversazzjonijiet fuq it-telefon li żvelat il-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Media.link Communications, b’rabta mal-każ tax-xufier tal-Ministru Manwel Mallia.

F’konferenza tal-aħbarijiet li saret ilbieraħ wara nofsinhar, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li hi tal-mistħija li l-verita’ mhix qed toħroġ mill-Gvern iżda mill-Oppożizzjoni.

Huwa diżappuntat ukoll bil-Kamra tal-Aħbarijiet tal-PBS, ix-xandir nazzjonali mħallas minna lkoll, li mhux qed tkun indipendenti fil-ħidma tagħha u mhux qed taħdem biżżejjed biex tiżvela l-verita’.

Simon Busuttil kompla billi qal li m’hemm l-ebda dubju li l-istqarrija tal-Gvern kienet cover-up, għax il-konversazzjonijiet juru li l-Kap tal-Kommunikazzjoni tal-Gvern, Kurt Farrugia, kien jaf b’kollox.

L-Oppożizzjoni qed issaqsi żewġ mistoqsijiet fosthom jekk ladarba Kurt Farrugia kien jaf b’kollox, hu informa lil Prim Ministru b’dak li ġara u jekk infurmah b’dak li ġara, mela allura jekk il-Prim Ministru kien jaf b’kollox.

Għall-Oppożizzjoni huwa ovvju li, fis-sagħtejn u nofs bejn meta seħħ l-inċident u meta ħarġet l-istqarrija tal-Gvern, il-Prim Ministru Joseph Muscat sar jaf b’kollox. Żgur li f’dan il-ħin kollu, mid-8.45pm, meta ġew sparati t-tiri, sal-11.15pm, meta nħarġet l-istqarrija, Kurt Farrugia ġietu f’rasu li jikkuntatja lil Prim Ministru biex jinfurmah b’dak li ġara.
Dan, tenna Simon Busuttil, ikompli juri “falsita’ u gideb”. Falsita’ li fi kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, tidher meta l-Prim Ministru qal li ma kienx jaf, meta l-Prim Ministru qal li hu rrabjat u ddiżgustat, u meta waqqaf inkjesta biex jara jekk saritx cover-up meta hu stess kien involut fiha.

Il-Prim Ministru għalhekk għandu jerfa’ r-responsabbilta’, spjega Simon Busuttil.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni għalhekk sfida lil Prim Ministru biex jippublika r-reġistru tat-telefonati li għamel jew irċieva f’dak il-lejl, b’mod partikolari t-telefonati li kellu ma’ Kurt Farrugia u mal-Ministru Manwel Mallia, membru fil-Kabinett tiegħu stess.

“Jekk il-Prim Ministru m’għandu xejn x’jaħbi, jekk Joseph Muscat iridna jemmnu li hu għandu raġun, u li ma kienx jaf li l-isparaturi kienu lejn il-vettura u mhux fl-arja, mela għandu jilqa’ din l-isfida u jippublika t-telefonati kollha li għamel mill-mowbajl tiegħu”.

Jekk ma jagħmilx dan, tenna Simon Busuttil, il-Prim Ministru jkun qed ikompli jikkonferma li nqabad f’gibda u li hu nvolut fil-cover-up li seħħ f’dak il-lejl.

Il-poplu ma jistħoqqlux li jkollu Prim Ministru li ma jgħidx il-fatti kollha, li jwettaq cover-up, li qed imexxxi Gvern li mhux qed jgħid il-verita’, temm jgħid Simon Busuttil.

Agħfas hawn għal ‘live blog’ waqt il-konferenza tal-aħbarijiet.

 

Reazzjoni fjakka mill-Prim Ministru 

Intant, f’reazzjoni fjakka ta’ ftit linji, il-Prim Ministru tenna li hu ħatar inkjesta indipendenti li għandha aċċess għall-informazzjoni kollha li jinkludu ‘transcripts’, ‘recordings’ u kull prova oħra u jibqa’ jtenni li se jistenna l-eżitu tal-inkjesta u wara jieħu d-deċiżjonijiet kollha neċessarji.