Lokali

L-Alternattiva Demokratika tinsisti li “Manwel Mallia u Kurt Farrugia għandhom jitilqu”

Il-Ministru Manwel Mallia gideb bil-kbir…. u flimkien ma’ Kurt Farrugia bena ħrafa

Fi stqarrija l-Alternattiva Demokratika qalet li wara t-transkirzzjonijiet tat-telefonati li ħarġu, Manwel Mallia għandu jitneħħa minn Ministru.

L-Alternattiva Demokratika qalet li fil-lejl tal-isparatura, Mallia kien ikkomunika max-xufier tiegħu u kien jaf li Sheehan kien spara fil-baxx u mhux fl-ajru. Madankollu, flimkien mal-assistent tal-Prim Ministru Kurt Farrugia, bena ħrafa fejn iddikjara li ma kienx kellem lix-xufier u li l-balal kienu sparati fl-ajru.

L-Alternattiva Demokratika tkompli tgħid li la issa hu ppruvat li l-Ministru gideb bil-kbir, il-Ministru għandu jitkeċċa flimkien mal-assistent tal-Prim Ministru, li għandu jitneħħa wkoll sakemm jigu aċċertati responsabbilitajiet oħrajn.

L-Alternattiva tgħid ukoll fl-istqarrija li l-Partit Nazzjonalista għandu jgħaddi lill-eks ġudikanti li qed jagħmlu l-inkjesti it-‘tapes’ oriġinali tal-konverzazzjonijiet telefoniċi.

L-Alternattiva ttemm tgħid li r-revelazzjonijiet ġodda flimkien mal-istejjer investigattivi fil-ġurnali indipendenti tul l-aħħar ġimgħat jsaħħu l-argument li Manwel Mallia mhux denju li jokkupa l-kariga ta’ Ministru.