Lokali

LIVE BLOG: Joseph Muscat għandu jippubblika t-telefonati li kellu dakinhar tal-isparatura mix-xufier ta’ Mallia – il-PN

Waranofsinhar  il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil indirizza konferenza tal-aħbarijiet li xxandret ukoll LIVE fuq Net Television u Radio 101 b’rabta mal-aħħar żviluppi fil-każ Manwel Mallia u t-telefonati li ġew żvelati li saru ftit wara li seħħew l-isparaturi mix-xufier tal-Ministru Mallia.
Waqt il-konferenza, MaltaRightNow.com kompliet taġġorna b’Live Blog ta’ dak li qed jintqal waqt il-konferenza.

14:11 Għall-mistoqsija tal-ġurnalisti, il-Kap tal-PN Simon Busuttil jisħaq li s-sorsi minn fejn ġew it-‘transcripts’ huma sigrieti, kif il-liġi tipproteġi wkoll lill-ġurnalisti biex ma jikxfux is-sorsi tagħhom bil-għan li jkunu jistgħu jagħmlu xogħlhom kif suppost f’demokrazija vera.

14:03 Il-ġurnalisti jibdew jistaqsu l-mistoqsijiet

14:02 Jekk il-Prim Ministru mhux se jagħmel dan allura l-Oppożizzjoni se tinsisti li jkun il-Prim Ministru u mhux biss il-Ministru Manuel Mallia li għandu jerfa’ r-responabbilita’ politika tal-‘cover-up’ li sar.

14:01 ‘Come clean and for once, say the truth, the whole truth and  nothing but the truth.’

14:01 Nisfida pubblikament lill-Prim Ministru biex jgħid jekk kienx jaf bil-‘cover-up’: kun raġel u għal darba, għid is-sewwa, is-sewwa kollha u xejn ħlief is-sewwa.

14:00 Jekk il-Prim Ministru ma jagħmilx dan ikun ifisser li għandu x’jaħbi u kien kompliċi fil-‘cover-up’ hu stess.

14:00 Nisfida biex il-Prim Ministru jippubblika l-‘call log’ tat-telefonati tiegħu bejn il-hin tal-inċident biex isir magħruf jekk kellux kuntatt mal-Ministru Manuel Mallia, mal-Aġent Kummissarju tal-Pulizija u mal-Kap tal-Komunikazzjoni tiegħu Kurt Farrugia.

13:59 L-unika raġuni għaliex il-Prim Ministru għadu ma neħħiex lil Manuel Mallia hija li hu stess kien imdeffes fit-taħwida li saret.

13:59 L-Oppożizzjoni kellha raġun tgħid li kull ma kellu jagħmel il-Prim Ministru huwa li jara li tinrefa’ r-responsabbilita’ politika.

13:58 L-inkjesta ma kienet xejn ħlief teatrin tal-Prim Ministru biex jipprova jinħeba warajha. L-Oppożizzjoni kellha raġun meta qalet li l-inkjesta hija inutli għax il-‘cover-up’ huwa ċar. L-Oppożizzjoni kellha raġun meta rrifjutat li tkun kompliċi fiha.

13:58 Juri wkoll l-ingann tal-Prim Ministru li waqqaf inkjesta tliet ijiem wara biex tara jekk kienx hemm ‘cover-up’ meta l-Kap tal-Kommunikazzjoni tiegħu stess kien kompliċi fil-cover up.

13:57 Dan kollu juri l-falsita’ tad-dikjarazzjoni tal-Prim Minstru, 24 siegha wara l-inċident, meta qal li huwa rrabbjat u ddiżgust. Kif tista’ tkun rrabbjat u ddiżgustat jekk int stess kont taf b’kollox?

13:56 Hu ovvju li l-Prim Ministru kien infurmat b’dak kollu li ġara minn qabel ma ħarġet l-istqarrija. Il-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Prim Ministru ma setax ma jinfurmax lill-Prim Ministru b’dak kollu li kien seħħ, meta wieħed iqis il-gravita’ tal-każ. Probabbilita’ kbira hi li l-Prim Ministru nnifsu kien kompliċi fil-‘cover-up’ li sar.

13:55 Jixxandar filmat tal-Prim Ministru Joseph Muscat meta ġie mistoqsi dwar fix-ħin ġie infurmat bl-inċident.

13:55  La l-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Prim Ministru Kurt Farrugia kien jaf b’kollox qabel ħareġ l-istqarrija bil-‘cover up’, tqum il-mistoqisja: Kurt Farrugia informa lill-Prim Ministru b’dak li ġara? Il-Prim Ministru kien jaf b’dak li ġara qabel ma ħarġet l-istqarrija li pruvat tgħatti kollox?

13:54 Kollox juri li l-Oppożizzjoni kellha raġun meta qalet mill-ewwel li f’dan il-każ kien hemm ‘cover-up’ biex il-Gvern jgħatti l-verita’ dwar l-inċident li seħħ meta xogħolu hu li jgħid il-verita u li jara li inċidenti bħal dawn ma jseħħux.

13:54 Kemm l-Aġent Kummissarju tal-Pulizija Ray Zammit kif ukoll il-Kap tal-Kommunikazzjoni tal-Prim Ministru Kurt Farrugia kienu kompliċi fil-cover-up li sar permezz tal-istqarrija tal-Gvern. M’hemmx dubju li l-pożizzjoni tagħhom m’hix tenibbli u għandhom jitneħħew ukoll minnufih.

13:53 Manuel Mallia gideb meta l-għada tal-inċident qal li huwa ma kienx jaf x’ġara qabel ħarġet l-istqarrija u li sar jaf biss wara – ma baqa l-ebda dubju li l-Ministru Manuel Mallia għandu jitneħħa minnufih.

Jixxandar filmat b’silta minn dak li qal il-Ministru Manwel Mallia lill-midja.

13:51 L-ebda dubju li l-istqarrija uffiċjali tal-Gvern kienet ‘cover-up’ għax qalet li ġew sparati żewġ tiri fl-ajru meta kemm Manwel Mallia kif ukoll Ray Zammit u Kurt Farrugia kienu jafu li dan mhux vera.

13:51 Jirriżulta kemm il-Ministru Manuel Mallia, kif ukoll l-Aġent Kummissarju tal-Pulizija Ray Zammit u l-Kap tal-Kommunikazzjoni tal-Prim Ministru Kurt Farrugia kienu jafu l-verita’ kollha dwar l-inċident qabel ħarġet l-istqarrija uffiċċjali tal-Gvern.

13:51 Ix-xufier tal-Ministru Paul Sheehan, l-Aġent Kummissarju tal-Pulizija Ray Zammut u l-Kap tal-Kommunikazzjoni tal-Prim Ministru Kurt Farrugia huma involuti f’dawn it-telefonati.

13:50 It-transcripts jirreferu għal telefonati li saru immedjatament wara li seħħ l-incident u qabel ma ħarġet stqarrija tal-Gvern li tat versjoni differenti minn kif fil-fatt seħħ.

13:45 Jixxandar filmat bi ‘transcript’ tat-telefonati li saru

13:44 “L-Oppozizzjoni hija rrabbjata u ddiżgustata bid-diżonesta politika tal-Prim Ministru Joseph Muscat u tal-Ministru Manuel Mallia.”

13:40 “Tal-mistħija kif, f’pajjiż suppost demokratiku, il-verita’ dwar il-każ tax-xufier ta’ Manuel Mallia qed toħroġ mhux mill-Gvern imma mill-Oppożizzjoni u mill-midja indipendenti.”

13:38 “Konferenza tal-aħbarijiet biex nagħtu r-reazzjoni tal-Oppożizzjoni għat-transcripts żvelati lbieraħ minn NET Television dwar il-każ tal-isparatura mix-xufier tal-Ministru Manuel Mallia.”