Nhar is-Sibt wara nofsinhar il-Prim Ministru Joseph Muscat sejjaħ laqgħa tal-grupp Parlamentari f’Kastilja.
Il-laqgħa saret l-għada li dan l-istazzjon żvela transcripts tat-telefonati li saru fost l-oħrajn mix-xufier tal-Ministru Manwel Mallia u mill-Aġent Kummissarju Ray Zammit.
Minkejja li l-laqgħa saret poprju l-għada li dan l-istazzjon żvela l-kontenut ta’ wħud mit-telefonati, il-membri tal-Kabinett u d-Deputati saħqu li l-laqgħa tal-grupp kienet waħda normali u li ssejħet nhar is-Sibt sempliċiment għall-fatt li nhar it-Tnejn ħabtet festa.
Dan l-istazzjoni jinsab infurmat li l-laqgha tal-Kabinett issejħet biex tkun diskussa l-mozzjoni ta’ sfiduċja li ressqet l-Oppożizzjoni fil-konfront tal-Ministru Manwel Mallia.
Meta mistoqsija dwar jekk il-każ Mallia kienx diskuss waqt il-laqgħa tal-Grupp Parlamentari, ħafna mill-Ministri u d-Deputati kollha ħarbu mill-mistqosija bl-iskuża li l-prassi hija li qatt ma jkun żvelat dak li jiġi diskuss fil-Grupp Parlamentari.
Staqsejna wkoll lill-Ministru u lid-Deputati jekk jaqblux li Joseph Muscat għandux ineħħi lill-Ministru Mallia. Għal darba oħra l-Ministri ħarbu milli jwieġbu mill-mistoqsija b’ħafna minnhom jinħbew wara l-inkjesta li hatar il-Prim Ministru dwar dan il-każ.
Intant, biex jaħrab mill-mistoqsijiet ta’ dan l-istazzjon, il-Ministru Konrad Mizzi għażel li joħroġ mill-bieb tal-ġenb ta’ Kastilja kuntrarju għal dak li għamlu d-deputati l-oħra.
U minkejja li qattajna kważi tliet sigħat nistennew li joħorġu l-Ministri u d-Deputati kollha, matul dan il-ħin kollu l-Prim Ministru Joseph Muscat baqa’ ma ħariġx minn Kastilja u għaldaqstant ma tax il-kummenti tiegħu lill-midja.
//= $special ?>