Lokali

Ordni minn fuq biex jittieħdu passi s-Surġent Balzan Engerer

Sorsi qrib is-Surġent Leroy Balzan Engerer qed jgħidu li s-Sibt 22 ta’ Novembru hu telaq mix-xogħol fis-1.30 ta’ wara nofsinhar, 20 minuta qabel ma tħassret informazzjoni mill-arkivji tal-Pulizija.

Dan wara li l-Ħamis li għadda, is-Surġent Leroy Balzan Engerer ma ngħatax il-libertà proviżorja hekk kif tressaq il-Qorti akkużat li dakinhar neħħa informazzjoni mill-Police Incident Reporting System (PIRS).

Din id-deċiżjoni tal-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Francesco Depasquale, kienet ħasdet lil kulħadd, aktar u aktar meta din id-deċiżjoni ngħatat meta l-Prosekuzzjoni ma għamlet l-ebda oġġezzjoni biex l-istess Surġent tal-Pulizija jingħata l-ħelsien mill-arrest.

Minn informazzjoni li waslitilna dalgħodu, ħareġ li l-kamera tal-għassa ta’ Tas-Sliema, fejn jaħdem dan is-Surġent, għal xi raġuni ma taħdimx, u għalhekk m’hemmx evidenza ta’ meta dan is-surġent temm ix-xogħol tiegħu.

L-istess sorsi qalulna li d-difiża se tkun qed titlob għas-CCTV ta’ stabbilimenti fi qrib tal-għassa tal-Pulizija biex ikunu jistgħu jippruvaw fi xħin telaq is-Surġent.

s-Surġent Leroy Balzan Engerer tressaq il-Qorti mill-Ispetturi Jesmond Micallef u Sandro Camilleri, filwaqt li d-Difiża tal-imputat kienet f’idejn Franco Debono, Marion Camilleri u Angie Mifsud. Sorsi li tkellmu magħna qalulna li l-Ispettur Jesmond Micallef kien ta l-parir li m’għandux każ fuq xiex iressaq lis-Surġent. Madankollu, l-istess sorsi qalu li dan kellu jieħu l-passi wara li ġiet ordni mill-Aġent Kummissarju (li xi ħadd irid jitressaq il-Qorti).

Leroy Balzan Engerer qed ikun akkuzat b’seba’ kapi ta’ akkuża, li kollha huma marbuta mat-tneħħija ta’ parti minn informazzjoni dwar il-każ tal-isparatura, fosthom li pprevjena jew ostakola d-dħul għal xi informazzjoni, li żvela l-password u li dan ir-reat wettqu meta kien uffiċjal pubbliku.

Għal dawn l-akkużi hu qed iwieġeb mhux ħati.