Knisja Lokali Parlament

Prinċipji morali għandhom jiggwidaw il-liġi dwar l-identita’ tal-ġeneru – il-Knisja

Il-Knisja f’Malta ippreżentat position paper b’rabta mad-diskussjoni fil-Parlament ta’ Malta dwar l-att dwar l-identita’ tal-ġeneru tal-persuna.

Il-Knisja, fi stqarrija ppublikata mill-Kurja dalgħodu, ħabbret li din il-position paper tħejjiet minn grupp ta’ 7 esperti fil-morali, grupp li twaqqaf mill-Konferenza Episkopali Maltija, li approvat dan id-dokument.

Il-Knisja qalet li din il-kwistjoni għandha tiġi gwidata b’sett ta’ prinċipji morali, fosthom il-prinċipju tad-dinjita’ umana fejn kulħadd għandu dritt għar-rikonoxximent.

Titkellem ukoll dwar il-prinċipju tal-proporjonalita’ fejn dak li tipprovdi il-liġi għandu jkun f’proporzjon mal-għanijiet tal-istess liġi.

Id-dokument jgħid li għandu jkun hemm il-prudenza biex ikunu evitati konsegwenzi drastiċi fuq il-ħajja tal-individwi u tas-soċjeta’. Dan apparti li l-liġi għandha tkun tinkludi proċedura kif tittieħed deċiżjoni li tkun trasparenti.

Kopja ta’ dan id-dokument ingħata lill-Prim Ministru Joseph Muscat u lill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil fost oħrajn.