Lokali

Protesta “kbira” wara s-swat fuq żiemel fil-Mosta

L-attivista tal-WEEAC (Worldwide Events to End Animal Cruelty) f’Malta, Fleur Marie Cilia Buckett qed tħejji protesta wara li l-għaqda mhux governattiva internazzjonali PETA ppublikat il-filmat ta’ żiemel li jidher qed jissawwat minn sidu fi stalla li allegatament tinsab fil-Mosta.

Il-protesta se ssir nhar il-Ħadd 14 ta’ Diċembru, fis-sagħtejn ta’ wara nofinhar, faċċata tat-torrijiet Preluna f’Tas-Sliema.

Attivisti ta’ WEEAC f’pajjiżna spjegawlna li hu inaċċettabbli li l-awtoritajiet Maltin ġew mgħoddija l-identita’ u l-indirizz tas-sid taż-żiemel imma minkejja dan baqgħet ma ttieħdet l-ebda azzjoni kontra l-istess sid.

Din l-istorja qajmet rabja kbira fuq Facebook, b’uħud jippublikaw ukoll ritratti ta’ raġel flimkien mal-istess żiemel li jidher jissawwat fil-filmat.

Dan is-sit talab lil PETA għall-identita’ tar-raġel li jidher isawwat liż-żiemel bl-għan li jsir magħruf jekk l-identita’ tal-persuna li tidher f’dawn ir-ritratti taqbilx ma’ dik mgħoddija mill-PETA lill-awtoritajiet.