Futbol Sport

Żurrieq ifallu ħafna u jikkuntentaw b’punt

KAMPJONAT BOV – L-EWWEL DIVIŻJONI

ŻURRIEQ …………………. 1
FGURA U…………………… 1

Żurrieq – C. Caruana, M. Attard, S. Wellman, K. Magro, K. Sacco, D. Darmanin, A. Agius (S. Azzopardi), O.L. Agbeobina (D. Zammit), R. Bakare, J. Ogunnupe, G. Ghigo (M. Schembri).

Fgura U – B. Bartolo, Q. Bregman, R. Previ, J. Ruiz Perez, A. Galea (J. Dalli), J. Bugeja, A. Mendy (D. Attard), I. Curmi, J. Farrugia, P. Chircop, R. Emeka.

Referee – Chris Lautier

Żurrieq kellhom jikkuntentaw bi dro kontra Fgura f’logħba li Żurrieq setgħu faċilment rebħu kieku huma ħadu ċ-ċansijiet kollha li kellhom. Iżda Agbeobina fl-ewwel taqsima u Ogunnupe fit-tieni waħda fallew ħafna u ta’ dan kienu kastigati minn Fgura li kisbu l-gowl tad-dro wara inċertezza fid-difiża ta’ Żurrieq.

Wieħed irid jgħid li Fgura ma kienux dominati fejn kellhom il-mumenti tagħhom u anki laqtu l-lasta, iżda Żurrieq kienu l-aħjar tim u kien ħaqqhom aħjar minn sempliċi punt.

Fgura kellhom supremazija territorjali fl-ewwel minuti iżda Żurrieq kienu iktar diretti u perikolużi fir-risposti tagħhom tant li fl-ewwel battuti kien hemm gowl ta’ Ogunnupe mħassar għal offside u ċans tad-deheb għal Agbeobina li waħda quddiem Bartolo ra x-xutt tiegħu salvat b’siequ mill-gowlkeeper.

Fid-19-il minuta azzjoni oħra ta’ Żurrieq fejn għal darb’oħra Agbeobina falla ċans ieħor faċli quddiem Bartolo. Żurrieq komplew jattakkaw iktar u xutt ta’ Aaron Agius għadda ftit għoli u fit-33 minuta freekick tal-istess Agius kien salvat b’diffikulta minn Bartolo

Fis-36 minuta kien hemm azzjoni tajba ta’ Fgura, azzjoni mitmuma b’xutt fil-baxx ta’ Joseph Farrugia li kien imblukkat minn Caruana.

Fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima azzjoni oħra tajba ta’ Fgura li kienet mitmuma b’xutt ta’ Bregman imur ftit għoli.

Fit-53 minuta Żurrieq fetħu l-iskor meta minn azzjoni ta’ korner mogħti minn Aaron Agius, kien STEPHEN WELLMAN li kompla l-ballun għal ġewwa. Reazzjoni immedjata minn Fgura b’ċans tajjeb għand Roland Emeka li laqat ħażin quddiem il-goalkeeper ta’ Żurrieq

Fid-59 minuta Żurrieq setgħu għalqu l-logħba meta Ogunnupe falla inkredibilment waħdu quddiem Bartolo, u minuta wara xutt ieħor ta’ Darmanin għadda ftit għoli. Fil-65 minuta Fgura sfortunati meta freekick mill-isbaħ ta’ Perez Ruiz stampa mal-mimduda.

Fit-72 minuta azzjoni ta’ kontrattakk ta’ Żurrieq u ħarġa kuraġġuża ta’ Bartolo li ħareġ u mblokka f’saqajn is-sostitut Stephen Azzopardi.

Erba’ minuti wara Fgura kisbu d-draw meta ROLAND EMEKA daħal tejjeb bejn Miguel Attard u l-goalkeeper Caruana li dehru t-tnejn ferm inċerti f’din l-azzjoni, u minn qagħda angolata xeħet f’lasta vojta.

Minuta wara ċans għal Żurrieq li jerġgħu jmorru minn fuq iżda Ogunnupe inkredibilment spoara għoli minn żewġ passi. Fl-aħħar minuti kienu Fgura li ppruvaw jiksbu l-gowl rebbieħ iżda l-iskor baqa’ ma nbidilx sat-tmiem.