Minn Stewart Said
NAXXAR……………1
BIRKIRKARA…….3
Naxxar: J. Azzopardi, A. Scicluna, I. Edet, T. Vella, D. Falzon (M. Del Negro 65’), G. Da Silva Ribeiro, R. Cassar, A. Buhagiar, D. Reano (P. Gueye 65’), E. Uchenna Mbachy, U. Edafe
Birkirkara: J. Haber, M. Bissi, E. dos Santos Gonzaga (A. Borg 80’), R. Ledesma (E. Agius 75’), A. Mendoza, G. Sciberras, Z. Muscat, P. Fenech, R. Camenzuli, R. Scicluna, A. Costa Morais (Shodiya 67’)
Imwissija: Z. Muscat 44’, M. Bissi 68’ (B), U. Edafe (N)
Skorjaw: G. Da Silva Ribeiro 10’ (N), R. Scicluna 44’, R. Ledesma pen 49’, M. Biss 60’
Referee: Alan Mario Sant
In-Nazzjon Plejer tal-Logħba: Rafael Ledesma (BK)
Birkirkara komplew isaħħu t-tielet post meta għelbu lil Naxxar Lions 3-1 f’partita li kellhom jirkupraw gowl żvantaġġ wara ħasda inizjali. B’hekk żammew ukoll il-pressjoni fuq Valletta u żammew il-punt distakk. Il-Karkariżi bdew b’ritmu kajman iżda l-gowl qabel il-mistrieħ bidel il-partita u fit-tieni taqsima l-Istripes kkontrollaw.
Għal Naxxar minkejja t-telfa, ppruvaw jagħmlu l-aħjar tagħhom iżda quddiemhom sabu tim komplessivament aħjar u issa jħarsu lejn id-derby b’ottimiżmu.
Wara r-ritorn għar-rebħ kontra Żebbuġ, il-kowċ ta’ Birkirkara Paul Zammit wettaq żewġ bidliet b’Mendoza jieħu post Vukanac filwaqt li Ryan Camenzuli ġie preferut minn Edward Herrera. Min-naħa l-oħra l-kowċ Jesmond Zerafa wara r-rebħa kontra Balzan fil-kampjonat, għamel bidla waħda biss b’Edafe Uzeh jilgħab flok Pablo Doffo. L-ewwel azzjoni denja waslet fis-7 minuta meta minn pass ħażin ta’ Mendoza, Vella għadda lejn Eminike li kellu x-xutt imblukkat, il-ballun spiċċa għand Terence Vella iżda x-xutt tiegħu spiċċa barra. In-Naxxarin marru fil-vantaġġ fl-10 minuta meta minn żball ta’ Gareth Sciberras, GILMAR DA SILVA RIBEIRO ħasad lil Justin Haber b’xutt minn madwar 30 metru.
In-Naxxar marru viċin it-tieni gowl fl-24 minuta meta minn korner ta’ Gilmar, id-daqqa ta’ ras ta’ Terence Vella ġiet salvata minn Haber. Il-Karkariżi heddew il-lasta fit-32 minuta meta xutt minn barra l-kaxxa ta’ Bissi għadda ftit barra. Birkirkara bdew iżidu ftit fil-logħob u rnexxilhom jagħmlu l-iskor indaqs fl-44 minuta meta RYAN SCICLUNA irċieva mingħand Costa Morais u b’xutt fil-baxx mill-ewwel għeleb lil Azzopardi. Il-Karkariżi ħarġu fit-tieni taqsima jfittxu l-gowl u marru fil-vantaġġ fid-49 minuta meta kross ta’ Ryan Camenzuli ġie ġudikat mir-referee Alan Mario Sant li ħabat m’id Andrew Scicluna. Mill-11-il metru RAFAEL LEDESMA ma żbaljax. Erba’ minuti wara xutt ta’ Gonzaga għadda fuq il-lasti.
L-Istripes skorjaw it-tielet gowl fis-60 minuta meta minn free-kick ta’ Ledesma, kien MATTHEUS BISSI li tar minn tulu u b’daqqa ta’ ras dajagonali għeleb lil Azzopardi. Ma’ dan il-gowl il-partita naqqset mir-ritmu bil-Karkariżi jikkontrollaw u għajr xutt fil-baxx li għadda ftit barra tas-sostitut Edmond Agius, iż-żewġ timijiet rari heddew il-lasti rispettivi. Fl-aħħar mumenti tal-partita Naxxar ippruvaw b’xutt b’saħħtu ta’ Eminike iżda Haber kien attent u salva.
//= $special ?>