Lokali

Il-Gvern ikompli jgħaffeġ fil-froġa li beda jaħmi dakinhar li ħareġ stqarrija falza – il-PN

“Il-frażi tal-Aġent Kummissarju Ray Zammit: “kemm-il tir tajtu?” tikkonferma bl-aktar mod ċar li Kurt Farrugia, li kien maġenbu, kien jaf bl-isparaturi li saru fid-direzzjoni lejn persuna u mhux fl-ajru. Hu insult li jsir ‘spin’ dwar dan il-kliem li ngħad fil-konversazzjoni… għax ma jistax ikun aktar ċar.” – il-PN

Ir-recording li ħareġ fil-media l-Ħadd filgħodu jkompli jikkonferma li kemm l-Aġent Kumissarju, il-Ministru Mallia, u wkoll Kurt Farrugia kienu jafu b’dak kollu li ġara. Dan joħroġ ċar mill-konverżazzjoni bejn Sheehan, Zammit u Farrugia, fej tinstema’ l-frażi, “kemm il-tir tajtu?”, li mbagħad il-Kummissarju jirreferi għalihom ukoll bħala warning shots.

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal li huwa insult lejn l-intelligenza tal-pubbliku li qed tipprova ssir spin dwar dan il-kliem li ngħad fil-konverżazzjoni, għaliex ma jistax ikun aktar ċar min hekk li l-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern Kurt Farrugia kien jaf il-verżjoni korretta tal-fatti, ċioe li Sheehan spara żewg tiri li laqtu l-karozza tal-Iskoċċiż. Barra min hekk, il-Ministru Mallia kien ukoll fil-preżenza tal-Kummissarju, u għalhekk ma jifdal l-ebda dubju dwar l-involviment sħiħ ta’ dawn it-tlieta min-nies.

L-istqarrija tkompli tgħid li jidher ċar ukoll li l-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern Kurt Farrugia, kien qieghed f’ kuntatt indirett ma’ min wettaq ir-reat, ċioe Paul Sheehan, biex ħareġ stqarrija uffiċċjali tal-Gvern, mimlija gideb u tnawwir tal-verita. Hija responsabbilta tiegħu li jiċċekkja l-fatti u dan il-fatt juri ċar in-nuqqas ta’ responsabbilta u professjonaliżmu ta’ dan il-Gvern, li f’każ daqshekk gravi ma ġewx ivverifikati l-fatti ma’ min kien fil-post biex jinvestiga l-każ. Minflok għażel li jkun f’komunikazzjoni ma min wettaq reat kriminali gravi. Dan biss ukoll għandu jwassal għar-riżenja ta’ Kurt Farrugia.

Dan ir-recording jikkonferma wkoll l-awtenti​ċit​à tat-transcripts li ħarġet il-media tal-Partit Nazzjonalista, li juru wkoll li l-Kummissarju tal-Pulizija ordna lill-Ispettur Mamo biex iżżomm kollox kif kien fix-xena tad-delitt u tagħmel inkjesta meta din qaltlu li l-karozza kellha t-toqob tat-tiri fiha. Il-Ministru tal-Intern stess jinstema’ wkoll jitkellem fir- recordings. Ir-recording ta’ llum, li ċertament huwa biss wieħed minn serje ta’ telefonati li seħħew dak il-lejl, ma jħalli l-ebda dubji dwar il-cover-up li ħoloq il-Gvern Laburista, u li kien orkestrat direttament mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Kastilja.

Fl-isfond tal-aħħar rivelazzjonijiet li ħarġu fil-media dwar il-każ ta’ Manuel Mallia, il-Partit Nazzjonalista fl-istqarrija saħaq li l-Prim Ministru Joseph Muscat għandu jippubblika il-call logs, u anke messaġġi li setgħu ingħaddew dakinhar, filwaqt li nisħqu lil-pożizzjonijiet tal-Ministru Manuel Mallia, tal-Aġent Kummissarju Ray Zammit, u l-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern Kurt Farrugia, m’għadomx tenibbli.

Il-Partit Nazzjonalista qal li jibqa’ jisħaq li Joseph Muscat jinsab dahru mal-ħajt u ma fadallu l-ebda triq oħra ħlief li jippubblika kull tip ta’ komunikazzjoni li saret f’dak il-lejl. Dan għaliex issa jidher ċar li biex jipprova jiskolpa lil Kurt Farrugia, li hu tant qrib tiegħu, u jitfa’ kollox fuq il-Ministru Mallia u l-Aġent Kummissarju, l-Ufficcju tal-Prim Ministru għażel li jgħaddi recording magħżul, lil parti mill-media li ried l-Ufficcju tal-Prim Ministru. Dan juri li l-Ufficcju tal-Prim Ministru għandu f’ idejh ir-recordings kollha tal-Pulizija, li l-media tal-Partit Nazzjonalista irrefera għalihom jumejn ilu.
​ ​
Fl-istqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li l-isfida tibqa’ sabiex dawn ir-recordings jiġu pubblikati kollha u mhux parti minnhom biss biex tiskolpa lil dawk qrib tiegħu.

Il-Partit Nazzjonalista temm jgħid li jisħaq li hemm bżonn urġenti li tintrefa’ r-responsabbiltà politika. Jekk dan ma jsirx allura Joseph Muscat jikkonferma li hu wkoll kien personalment involut fil-cover-up.